Sunday, November 24, 2024

550 PERSUNA SE JATTENDU GĦALL-IKLA TAL-MILIED MINN CARITAS MALTA

Aqra wkoll

Fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-ikla annwali tal-Milied biex f’nhar il-Milied tilqa’ madwar 550 persuna li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli jew kienu se jqattgħu l-Milied weħidhom. Din hi l-ewwel darba, wara waqfien ta’ sentejn minħabba l-pandemija, li Caritas Malta qed terġa’ torganizza l-Ikla tal-Milied.  

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina, spjega kif “il-Kurja nqisuha bħala d-Dar tal-Arċisqof, fejn issir ħafna mill-ħidma u l‑amministrazzjoni ċentrali tal‑Arċidjoċesi. Hawn ukoll issir l-ikla tal-Milied fejn qed issir fil-qalba tal-Knisja f’Malta.

“Kienet ix-xewqa tal-Arċisqof Charles Scicluna li din l-ikla terġa’ ssir wara waqfa ta’ sentejn għax l-esperjenza ma tiqafx mal-Milied. Imma permezz tagħha jibqa’ jinżamm kuntatt matul is-sena kollha mal-persuni li jattendu. 

“Il-Knisja dejjem tibqa’ minn ta’ quddiem biex tgħin lill-persuni fil-bżonn u tkompli ssaħħaħ id-diversi servizzi tagħha sabiex tkompli tilħaq lill-batut. Filwaqt li fir-ristoranti bħalissa għaddejjin il-preparamenti għal Jum il-Milied, f’dawn il-jiem ta’ festi, il-Kurja tinbidel f’ristorant kbir li fih jilqa’ lill-fqir u lil min għaddej minn ħafna tbatija.” 

Dawk li ma jistgħux joħorġu mid-dar u li jinsabu weħidhom se titqassmilhom ikla jew rigal permezz tal-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi. L-ikel fil-parroċċi jitqassam mill-voluntiera, mhux fil-Milied biss, imma anki matul is-sena. 

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, spjega li studju riċenti juri li aktar minn 54% tas-soċjetà Maltija għaddiet minn perjodu ta’ solitudni. Qal li minħabba li din ir-rata dejjem qed tkompli tikber, “f’Diċembru li għadda Caritas bdiet kampanja fejn għamlet sejħa biex ħadd ma jħossu waħdu. Dak hu propju li se nagħmlu dakinhar tal-Milied permezz ta’ din l-ikla.” Hu rringrazzja lil Alfred Mizzi Foundation li għal sena oħra se tipprepara l-ikel għal din l-okkażjoni, lill-Uffiċċju tal-President li pprepara 700 ħlewwa tradizzjonali tal-Milied biex jitqassmu f’Jum il-Milied u lil St Peter’s Foundation tal-għajnuna fil-loġistika.

The Alfred Mizzi Foundation, permezz ta’ diversi koki, se jippreparaw 550 ikla għall-Kurja u madwar 300 ikla biex jitqassmu fid-djar. “Hu privileġġ għal The Alfred Mizzi Foundation, li l-ħafna koki li ilhom jippreparaw l-ikel, dakinhar stess, aħna nkunu hawn inqassmuh. Il-ferħ li naraw fuq wiċċ in-nies, lilna jagħtina sodisfazzjon,” qal Julian Sammut minn The Alfred Mizzi Foundation.

L-Ikla tal-Milied, organizzata minn Caritas Malta, ilha ssir mill-2015 u fis-sentejn li ma saritx l-ikel fid-djar tqassam xorta u sar mezz biex jinżamm kuntatt mal-persuni li jinsabu weħidhom. Madwar 200 voluntier se jgħinu fl-organizzazzjoni tal-Ikla tal-Milied u fit-tqassim tal-ikel fid-djar.

Sport