56 rekluta ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti. It-taħriġ, li dam sitt xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, fejn jinkludi fost oħrajn taħriġ fiżiku u akkademiku. Dan il-kors, li hu wieħed akkreditat fil-livell MQF4 mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, se jwassal biex dawn il-kuntistabbli l-ġodda jibdew jagħtu servizz lill-komunità u lil pajjiżna.
B’kollox f’dan il-kors ġew mgħallma 63 suġġett bħal l-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, regoli u proċeduri, investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal, offiżi sesswali u għarfien fuq is-saħħa mentali, fost oħrajn.
Fil-messaġġ li għadda lill-kuntistabbli ġodda, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri sostna kif il-pulizija għandhom ikunu parti mill-komunità, mhux biss biex jipproteġu lill-vulnerabbli iżda biex ikunu konxji għal ħtiġijiet tas-soċjetà.
“Ser tissieħbu f’Korp tal-Pulizija li matul l-aħħar żmien, esperjenza numru ta’ tibdil. Tibdil li kompla jsaħħaħ fuq il-ħafna tajjeb li sar matul is-snin, u kompla jbiddel il-Korp li jista’ jiffaċċja l-isfidi moderni. Tibdil li wassal sabiex bis-saħħa tal-kollegi tagħkom, ir-rata ta’ kriminalità naqset. Tibdil li wassal sabiex in-nies għandhom ħafna aktar fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. F’dik l-uniformi, li llum qed tilbsu għall-ewwel darba, u ser tilbsuha għal ħafna snin li ġejjin, ftakru haġa waħda – dik il-fiduċja hija mislufa lilkom. Diffiċli ħafna biex tintrebaħ, faċli ħafna biex tintilef,” tenna l-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu, f’indirizz li għamel lil membri ġodda, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal “inthom u tieħdu l-ġurament, ftit li xejn qistu x’responsabiltà kbira se tkunu qed iġorru fuq spallejkom minn issa ‘l quddiem. Propju llum huwa tassew importanti li nifhmu li l-uniformi li nilbsu u l-poteri li llum ġejtu mgħoddija huma mislufa lilna mill-poplu tagħna. Dan ifisser li f’kull ħaġa li nagħmlu u b’kull mod li naġixxu rridu l-ewwel u qabel kollox nassiguraw il-ġid komuni.”
Matul iċ-ċerimonja tat-Tlieta waranofsinhar saret ukoll il-preżentazzjoni tal-premjijiet, tal-aħjar żewġ rekluti fis-suġġetti akkademiċi (l-ewwel post Chantelle Mifsud; it-tieni post Christiana Gatt); u fis-suġġetti prattiċi (l-ewwel post Nicolai Luke Fenech; it-tieni post Nathan Frendo).
Il-premju tar-rekluta l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors (il-Mark Farrugia Shield), ingħata lil Darren Borg.