Saturday, December 21, 2024

56% tal-Maltin li ma vvutawx ma kellhomx fiduċja fil-politika- L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2024

Aqra wkoll

Sitta u ħamsin fil-mija (56%) tal-Maltin li ma ħarġux jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li għadda qalu li r-raġuni li għamlu hekk hi għaliex m’għandhomx fiduċja fil-politika jew ma kinux sodisfatti bil-politika inġenerali. Fl-istess waqt, 31% qalu li ma kinux interessati fil-politika.

Mill-banda l-oħra, 55 fil-mija ta’ dawk li ħarġu jivvutaw stqarrew li dan kien dmir tagħhom bħala ċittadini filwaqt li 46% qalu li huma vvutaw dejjem, f’kull elezzjoni.

Dawn iċ-ċifri ħarġu minn stħarriġ li wettaq il-Eurobarometer bejn it-13 ta’ Ġunju u t-8 ta’ Lulju 2024. F’dan l-istħarriġ kienu intervistati wiċċ imb wiċċ 497 Maltin.

L-istħarriġ kopra diversi mistoqsijiet l’għala ċ-ċittadini Ewropej, inkluż il-Maltin ħarġu jew ma ħarġux jivvutaw.

Fost l-ogħla raġunijiet li ħeġġew lin-nies joħorġu jivvutaw kienu l-għoli tal-ħajja, l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Raġunijiet oħra kienu d-demokrazija u r-regola tal-liġi, l-migrazzjoni u l-ażil u l-protezzjoni soċjali, il-benesseri u l-aċċess għall-kura tas-saħħa.

B’mod ġenerali, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ikkonferma li 73% tal-Maltin eliġibbli għal vot ħarġu jivvutaw filwaqt li 27% astjenew. Dawn iċ-ċifri jikkontrastaw sew ma’ dak li rriżulta madwar l-Unjoni Ewropea fejn il-medja ta’ dawk li ħarġu jivvutaw kienet 51% biss waqt li 49% ma vvutawx.

Interessanti kien il-fatt illi 86% tal-Maltin li ħarġu jivvutaw kienu dawk fl-eta minn 55 sena ‘il fuq, u li 76% kienu votanti nisa.

Fir-rigward tal-importanza li ċ-ċittadini ewropej jagħtu lis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-istħarriġ wera li 48% tal-Maltin li vvutaw sostnew li l-UE tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż filwaqt li 38% stqarrew li l-UE toffri opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.

B’mod ġenerali, 51 tal-Maltin għandhom immaġni pożittiva tal-UE filwaqt li 39% għandhom stampa newtrali. Dwar il-Parlament Ewropew, 54% stqarrew li kellhom immaġni pożittiva, 36% taw fehma newtrali u 10% esprimew attitudni negattiva tal-Parlament Ewropew.

Ekonomija

Sport