Tuesday, February 18, 2025

59% taż-żgħażagħ Maltin spiss esposti għad-diżinformazzjoni – stħarriġ tal-Ewrobarometru

Aqra wkoll

Disgħa u ħamsin fil-mija (59%) taż-żgħażagħ Maltin qalu li spiss ġew esposti għal diżinformazzjoni u aħbarijiet foloz (fake news). 29% minnhom sostnew li kienu esposti spiss ħafna għad-diżinformazzjoni l-aħbarijiet foloz.

Dan jirriżulta minn studju tal-Ewrobarometru li sar bejn il-25 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, maċ-ċittadin kollha tal-UE li għandhom bejn is-16 u t-30 sena. F’Malta ġew intervistati 502 żgħażagħ. 

Minbarra dan, 36% taż-żgħażagħ Maltin poġġew bħala prijoritajiet politiċi l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-ekonomija u l-ħolqien ta’ mpjiegi u l-ħarsien soċjali. Filwaqt li 34% poġġew il-prezzijiet li qed jogħlew, l-għoli tal-ħajja. 

Fl-istess stħarriġ ħareġ li 63% taż-żgħażagħ qalu li huma favur l-Unjoni Ewropea u l-mod li qed taħdem bih bħalissa jew pjuttost favur imma mhux il-mod li qed taħdem bih bħalissa.

Mistoqsija oħra li wieġbu kienet x’sorsi ta’ informazzjoni jużaw iż-żgħażagħ. 47% taż-żgħażagħ Maltin qalu li l-informazzjoni mill-pjattaformi tal-midja soċjali fosthom Instagram u Tik-Tok, 32% wieġbu mit-televiżjoni, u 22% pjattaformi tal-istampa u/jew tal-aħbarijet online. 

Meta kienu mistoqsija dwar ir-raġunijiet ewlenin tagħhom biex ma jivvutawx fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2024, 37% qalu li ma sabu l-ebda kandidat jew partit politiku li kienu jirrappreżentaw l-opinjonijiet tagħhom mentri 29% li qalu li ma kellhomx biżżejjed informazzjoni biex jagħmlu għażla.

Min-naħa l-oħra, meta kienu mistoqsija dwar ir-raġunijiet ewlenin għalxiex ivvutaw għall-partit jew kandidat li għażlu fl-elezzjonijiet Ewropej, 29% taż-żgħażagħ Maltin qalu li kienu vvutaw b’mod strateġiku jew riedu li jevitaw is-suċċess elettorali ta’ partit ieħor. 

25% oħra qalu li għamlu dan għax jaħsbu li dan il-partit jew kandidat jista’ jibdel l-affarijiet, 22% qalu li semgħu jew qraw affarijiet pożittivi dwar il-partit jew kandidat u 17% wieġbu li vvutaw għall-partit jew kandidat tal-għażla tagħhom għaliex l-ideat tagħhom kienu allinjati ma’ dawk tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport