60 cable ta’ vultaġġ għoli li jipprovdu l-elettriku lejn mijiet kbar ta’ residenzi u anke negozju spiċċaw bi ħsarat u bħalissa l-Enemalta għaddejja bi ġlieda kontra l-ħin biex issewwi ħsarat li żviluppaw.
Fi stqarrija l-Enemalta qalet li minn nhar it-Tnejn, il-Kumpanija rreġistrat total ta’ 52 ħsara fuq cables ta’ vultaġġ għoli f’Malta u tmienja oħra f’Għawdex. L-Inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta diġa sewwew aktar minn nofs dawn il-ħsarat. Diversi timijiet qegħdin jaħdmu bla waqfien sabiex isewwu l-ħsarat kollha li fadal fin-netwerk mill-aktar fis possibbli.
Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi affettwati minn dawn il-ħsarat fil-cables, ġiet mogħtija lura minn konnessjonijiet alternattivi fin-netwerk fl-istess żona. F’diffikultajiet oħra li żviluppaw fin-netwerk, il-ħsarat li jiżviluppaw f’żoni fejn diġa hemm ħsara eżistenti, il-provvista ma tkunx tista tingħata lura b’dan il-mod sakemm il-cables jissewwew.
Il-provvista tal-elettriku f’partijiet minn Ħad Dingli, r-Rabat, l-Imdina, il-Kalkara u Ħaż-Żabbar f’Malta, u iż-Żebbuġ, Marsalforn, ix-Xaghra u in-Nadur, ser tingħata lura hekk kif jitlestew ix-xogħlijiet. Fir-Rabat u Ħad-Dingli żviluppaw erba’ ħsarat differenti f’temp t’erbat ijiem. Dawn il-ħsarat iżolaw lir-Rabat u lill-Ħad-Dingli mill-bqija tal-grid, u ħolqu diffikultajiet biex tingħata lura il-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi kollha affettwati.