Monday, December 23, 2024

60 millimetru ta’ xita mkejlin f’Settembru

Aqra wkoll

Settembru ġab miegħu l-ewwel ħalbiet ta’ xita tas-sena tax-xita l-ġdida, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku jkejjel 59.8 mm xita f’Ħal Luqa.

Dan it-total qabeż bi ftit in-norma klimatika tal-1991-2020 ta’ 59.2 mm, u nġabar fuq medda ta’ jumejn fit-22 u t-23 ta’ Settembru. F’dawn il-jumejn, ix-xita kienet akkumpanjata mir-ragħad, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku jirrapporta ġurnata bir-ragħad oħra fit-30 ta’ Settembru.

It-22 ta’ Settembru, li matulu niżlu 84% tax-xita totali għax-xahar, ma kienx biss l-aktar jum milwiem tax-xahar, iżda anki dak l-aktar mudlam. Madankollu, Settembru b’mod ġenerali kien aktar xemxi milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, hekk kif matulu tkejlu 12.1-il siegħa xemxin aktar min-norma ta’ 253.1 siegħa. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment mill-fatt li l-kopertura ta’ sħab medja għax-xahar kienet ta’ 2.0 oktas minflok in-norma ta’ 2.8 oktas.

Settembru kien aktar sħun milli mistenni, bit-temperatura massima medja tax-xahar ta’ 29.5°C taqbeż in-norma b’0.9°C u t-temperatura minima medja tkun 1.5°C ogħla min-norma ta’ 21.2°C. Filwaqt li t-temperatura massima ta’ Settembru laħqet it-32.6°C fil-11-il jum, dik minima niżlet għal 17.0°C hekk kif il-gżejjer Maltin intlaqtu minn ħalbiet ta’ xita għat-tieni jum konsekuttiv. It-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 27.9°C, jiġifieri 1.8°C ogħla mill-medja.

F’Settembru il-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 7.5 knots, jiġifieri ftit aktar qawwija min-norma ta’ 7.2 knots. Il-buffura massima tax-xahar tkejlet fis-17 ta’ Settembru, u kienet qed tonfoħ b’veloċità ta’ 32 knots mill-Majjistral.

Ekonomija

Sport