Monday, April 29, 2024

60 sejħa għall-għajnuna waqt l-aħħar maltempata

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma kinitx l-aktar maltempata qalila imma ovjament maltempata li tiġi wara ħafna xhur ta’ temp kajman iġġib magħha ċertu ħsarat”. Iddikjara dan id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro meta mitlub reazzjoni dwar il-ħidma tad-dipartiment tiegħu f’dawn l-aħħar jiem minħabba riħ qawwi li ħakem il-gżejjer.

Qalilna li l-ikbar vantaġġ kien li din il-maltempata ġiet wara l-festi u għalhekk hemm dik it-tendenza li wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena dak li jkun inaqqas mill-ħruġ.

Dan wassal biex mhux biss ma kienx hemm persuni li ndarbu minħabba nuqqas ta’ persuni fit-toroq, iżda saħansitra serviet ta’ vantaġġ biex l-uffiċjali jaslu aktar malajr fuq il-post tas-sejħa.

Coleiro qalilna li kien hemm numru ta’ karozzi li tela’ l-baħar għalihom fiċ-Ċirkewwa, madwar għaxar każi ta’ siġar kbar li tqattċtu u kienu qegħdin jikkawżaw periklu u madwar 10 każi oħra ta’ strutturi kbar bħalma huma opramorta jew billboard li ċedew u ħolqu inkonvenjent.

Hawnhekk huwa rrimarka li fortunatament minkejja li b’kollox id-dipartiment fi tmiem il-ġimgħa kellu mas-60 sejħa, fortunatament ma kienx hemm persuni li ndarbu b’mod serju. 

L-uffiċjali ħafna drabi huma sfurzati jaħdmu mal-elementi

Staqsejnieh rigward il-ħidma tal-uffiċjali fid-dipartiment tiegħu f’każi bħalma huma siġra li qiegħda toħloq periklu. Huwa qalilna li l-ewwel u qabel kollox ikun żgurat pereżempju li ma jkunx hemm persuni maqbudin f’vetturi li fuqhom tkun waqgħet din is-siġra.

Fakkar li meta taqa’ siġra qegħdin nitrattaw fuq eluf ta’ Kilogrammi ta’ njam u għalhekk jeħtieġ li din titressaq ’il bogħod mit-triq biex jiġi evitat il-periklu, iżda ma tistax taħdem biex twaqqafha minħabba riskju li toħodha mal-elementi. Hawnhekk huwa żied jgħid li minħabba l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili hemm awtoritajiet oħrajn li jkollhom jiġu involuti bħalma huma dawk relatati man-natura u dawk mal-indafa.

“Inti trid taħdem mal-elementi. Ejja ngħidu jkollna sejħa ta’ persuna li jgħidilna li qed iħoss il-balavostri jiċċaqalqu u jkun hemm periklu għall-uffiċjali tagħna. M’għandniex supremazija fuq in-natura. Jekk din tippermetti se naħdmu jekk le, l-unika ħaġa li nistgħu nagħmlu huwa li nagħlqu parti mit-triq taħt l-faċċata fejn ikun hemm periklu”, kompla biex jispjega Coleiro.

Każi ta’ persuni li jaqgħu l-baħar f’mewġ qawwi jistgħu jieħdu sigħat

Rigward każi ta’ persuna li taqa’ l-baħar f’mewġ qawwi, mill-art hemm affarijiet minimi x’jistgħu jagħmlu. L-aħjar metodu huwa li l-uffiċjali jżommu għajnejhom fuq il-persuna biex ikun jistgħu jillokalizzawha ladarba tasal l-assistenza minn fuq il-baħar. Kien ċar li n-natura ma tistax terbħilha, u għalhekk trid taħdem magħha u din ġieli tirrikjedi sitwazzjoni ta’ sigħat sħaħ biex l-uffiċjali jaħdmu bil-ħsieb. 

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili qalilna li l-agħar ħaġa f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ periklu hija li pass jista’ jsalvak, iżda pass ieħor fid-direzzjoni żbaljata jista’ jixħtek f’periklu enormi. 

Sport