Richard Oliver Rodrigues ta’ 30 sena b’ċittadinanza ta’ Cabo Verde ġie kkundannat 60 xahar ħabs wara li nstab ħati ta’ diversi serqiet li jlaħħqu valur ta’ madwar €50,000.
Fil-Qorti rriżulta li l-akkużat għandu l-vizzju tad-droga u kien għalhekk li kien iwettaq dawn is-serqiet biex ikun jista’ jsostni l-istess vizzju.
Fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Simone Grech, Rodrigues kien ġie akkużat li bejn il-lejl tal-14 ta’ Jannar u l-15 tal-istess xahar wettaq serqa mill-kumpanija ta’ Joseph Caruana and Company Ltd liema kumpanija topera mix-Xewkija Għawdex kif ukoll li wettaq ħsara volontarju waqt l-istess serqa.
Fost id-diversi attentati ta’ serq u serqiet li wettaq, Rodrigues kien akkużat ukoll li wettaq serqa minn banka tal-Lottu fl-Imsida u banka oħra fl-Iklin kif ukoll mill-Malta Tourism Authority
L-akkużat ammetta wkoll li f’Diċembru tas-sena l-oħra kien wettaq serqa minn J.A.Borg Service Station fix-Xewkija Għawdex.
Quddiem il-Maġistrat Grech, Rodrigues meta mistoqsi xi jwieġeb għal akkużi ammetta mill-ewwel il-ħtija. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li wara li l-akkużat ingħata żmien biżżejjed biex jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu ma kellix triq oħra ħlief li ssibu ħati.
Il-Qorti qieset li l-fedina penali tal-akkużat kif ukoll l-amont konsiderevoli ta’ flus li ġie misruq. Il-Maġistrat Grech qal li parti mill-flus diġà kienu tħallsu lura u anke kienet qiegħda tqis il-Pre-Sentencing Report.
L-akkużat minbarra s-60 xahar ħabs ġie ordnat ukoll li jirritorna s-somma ta’ €40,638 lil Joseph Caruana and Company Ltd, is-somma ta’ €1,480 lil Alexandra Casha, €1,200 lil Joyce Borg kif ukoll €3,500 lil Marco Rossi u dawn għandhom jitħallsu lura fi żmien sitt xhur.
L-investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri.