Saturday, November 23, 2024

600 sajjied rikreazzjonali tal-lampuki jistgħu jaqbdu sa 10 kilos kuljum 

Aqra wkoll

“Innegozzjajna mal-Unjoni Ewropea sabiex il-kwota għas-sajjieda rikreazzjonali minn dik proposta ta’ ħuta kuljum, intellgħuha għal 10kg kull persuna, kuljum jew 5 ħutiet ta’ kwalunkwe qies (ikbar minn 35cm), għall-konsum personali. Dan jammonta għal 70kg fl-ġimgħa kull persuna fuq dgħajsa. Jiġifieri dgħajsa bi tliet dilettanti tista’ taqbad sa 30kg kuljum.”

Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’konferenza tal-aħbarijiet fejn qalet li d-dilettanti tas-sajd għal-lampuki huma fost il-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern sabiex ikun assigurat li dawn jibqgħu jgawdu minn dan id-delizzju għal qalbhom.

L-istaġun tal-lampuki se jiftaħ fil-15 t’Awwissu li ġej. L-applikazzjonijiet għas-sajd rikreazzjonali jagħlqu fil-5 t’Awwissu bl-ewwel awtorizzazzjonijiet se jinħarġu fl-1 t’Awwissu. 

Is-600 sajjied jistgħu jistadu bir-rixa jew bil-qasba sa tmien mili ‘l barra mill-kosta, waqt li sajjieda kummerċjali jistgħu jistadu anke lil hinn. Il-lampuki li jinqabdu jridu jkunu aktar minn 35 ċentimetru twal bil-qabdiet inċidentali permessi jridu jkunu sa 5% tal-qabda totali. Il-lampuki li jinqabdu mis-sajjieda rikreazzjonali ma jistax jinbigħ.

Fil-kummenti tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li bħala Gvern se jibqgħu jaħdmu sabiex jinnegozzjaw l-aħjar kundizzjonijiet għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, kif qegħdin nagħmlu fis-settur tas-sajd.

Sport