Matul dan is-Sajf, madwar 6,000 persuna qed jattendu l-programm Summer on the Move mmexxi minn 222 coach kwalifikat fejn qed jiġu prattikati 36 dixxiplina sportiva differenti. Dan il-programm matul is-snin kiber fil-popolarità mhux biss fost it-tfal, iżda anki fost l-adulti, b’etajiet li jvarjaw minn 4 snin sa 88 sena.
Waqt żjara fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq fejn isiru attivitajiet marbuta ma’ dan il-programm, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li l-għan ta’ dan il-programm huwa li jressaq kemm jista’ jkun lit-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti lejn l-attività sportiva fix-xhur tas-sajf, meta t-tendenza hija li kulħadd ikollu iktar ħin liberu.
Is-segretarju parlamentari kompla jgħid li permezz ta’ dan il-programm, SportMalta qed tkompli tixpruna soċjetà Maltija aktar attiva u parteċipattiva fl-isport, u li apparti, tilħaq livelli ogħla fid-dinja tal-isport kompetittiv u tgawdi mill-benefiċċji tas-saħħa assoċjati mal-isport.
L-attivitajiet offruti huma varji – minn football, basketball u ġinnastika, għal karting u arti marzjali. Ma jonqosx l-isport akkwatiku – l-għawm, il-waterpolo, kif ukoll l-ibburdjar. Għall-adulti, wieħed isib għażliet bħal yoga, pilates u fitness ta’ intensitajiet differenti, kif ukoll badminton, għawm u self-defense. Din is-sena se jiġi wkoll estiż il-programm tal-parent and child li permezz tiegħu, minbarra l-għawm, se jiġu offruti l-ġinnastika u fundamentals.
Summer on the Move jinkludi wkoll lezzjonijiet għall-adulti li jsiru fl-istess ħin tal-attivitajiet tat-tfal sabiex dawk il-ġenituri li jġibu lil uliedhom ikunu jistgħu jiġu bħala familja u jipparteċipaw fl-istess ħin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega li l-attività fiżika hija l-missjoni ta’ SportMalta. L-għan ta’ dawn il-programmi huwa li jħeġġu aktar nies ta’ kull età biex jersqu lejn l-isport u biex titqajjem kultura ta’ aktar attività fiżika. Is-Sur Cutajar kompja jgħid li l-firxa wiesgħa ta’ ċentri madwar Malta u Għawdex tat opportunità lil aktar nies biex jipparteċipaw f’dawn il-programmi. SportMalta toffri dawn il-programmi bi prezzijiet baxxi ħafna biex tippermetti l-inklużjoni ta’ kulħadd.