Sunday, November 24, 2024

62 sena ilu miet San Ġorġ Preca

Aqra wkoll

Kien 62 sena ilu, eżatt fis-26 ta’ Lulju tal-1962 meta Malta kollha bkiet lil Dun Ġorġ Preca li waqqaf il-M.U.S.E.U.M.

San Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta nhar it-12 ta’ Frar, 1880. Il-ġenituri tiegħu kienu Vinċenzo Preca u Natalina Cervalo. Il-ħajja Nisranija bdieha fis-17 ta’ Frar, meta tgħammed fil-knisja ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu jew ta’ San Duminku, fil-Belt Valletta.

Fit-8 ta’ April 1905 miet Dun Alwiġ Galea, il-konfessur ta’ Ġorġ. Preca kien jirrakonta li ftit wara mewtu, Dun Alwiġ deherlu f’ħolma u qallu: “Lilek Alla għażlek biex tgħallimlu ’l-poplu tiegħu.” F’żgħożitu dan il-kliem ta’ Dun Ercole sar verità meta bi skuża ta’ sigarett, tħabbeb ma’ grupp ta’ żgħażagħ ta’ Luċitu fil-Ħamrun.

Ftit qabel ma ġie ordinat saċerdot, Ġorġ Preca, żviluppa komplikazzjonijiet fil-pulmun u skont il-professur ma kienx fadallu wisq ħajja. Imma Alla ried mod ieħor u nhar it-22 ta’ Diċembru 1906 ħa l-quddiesa.

Beda jlaqqa’ lill-grupp taż-żgħażagħ u nhar it-2 ta’ Frar iltaqgħu fil-knisja Ta’ Nuzzo, il-Ħamrun, għal-lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta’ Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f’post ċkejken li kienu krew f’nru 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun.

L-għaqda mwaqqfa minn Dun Ġorġ kellha l-mumenti iebsin tagħha. Fl-1909, Dun Ġorġ irċieva l-ordni li jagħlaq l-oqsma kollha. Il-qaddej ta’ Alla obda bi qsim il-qalb iżda mingħajr tlaqliq. Kienu l-kappillani stess li nsistew li tiġi rrevokata l-ordni tal-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech.

Bejn l-1914 u l-1915 bdew jidhru fil-ġurnali lokali xi artikli kontra l-M.U.S.E.U.M. li kienu mimlijin disprezz u inġurji. Dun Ġorġ impona fuq il-membri tiegħu l-vot jew wegħda tal-manswetudni li biha ntrabtu li jaħfru mill-qalb lil min ikasbarhom u kien jinsisti magħhom biex “iħobbu d-disprezzi” u ma jħallux li dawn itellfulhom il-paċi ta’ qalbhom.

Fl-1916, l-Isqof Dom Mauro Caruana ordna li ssir inkjesta dwar is-Soċjetà. Wara ħafna taħbit u umiljazzjonijiet għall-fundatur, l-istess Isqof Caruana approva s-Soċjetà. Id-digriet tal-erezzjoni kanonika jġib id-data tat-12 ta’ April, 1932.

Nhar il-25 ta’ Lulju 1962, ġurnata qabel mewtu, Dun Ġorġ Preca filgħodu kmieni ħassu ħażin iżda fil-għaxija stejqer xi ftit. Wara nofs in-nhar, is-Sorijiet tal-Karità li kienu miegħu sabuh jaqra l-Vanġelu bit-Taljan. “Dun Ġorġ, ma tegħjiex taqra?” staqsietu s-soru. “Le, le qed nitpaxxa bil-Vanġelu ta’ Kristu,” kienet it-tweġiba ta’ Dun Ġorġ.

Sport