Sunday, May 19, 2024

65 NGO taż-żgħażagħ se jieħdu €100,000 biex iwettqu proġetti f’Malta u f’Għawdex

Aqra wkoll

Permezz tal-iskemi Assistance 4 You u Be Active, il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat, flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ, qegħdin jiffaċilitaw 65 proġett minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ billi jipprovdulhom fondi li jikkwantifikaw għal aktar minn €100,000.

Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-fondi, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li permezz ta’ dawn l-iskemi qiegħed jintlaħaq l-għan strateġiku numru 6 tal-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ li jispeċifika li għandha ssir promozzjoni u li jiġu ffaċilitati inizjattivi ta’ koperazzjoni bejn is-setturi statali, dawk privati u għaqdiet volontarji li jadottaw attitudni pożittiva u inklużiva biex jilħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-ministru qalet li biex jintlaħaq dan l-għan, din is-sena qegħdin jingħataw aktar minn €100,000 għal dawn il-proġetti.

L-Iskema Assistance 4 You se tkun qiegħda tgħin biex isiru 44 proġett li jibnu jew isaħħu organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Dawn il-proġetti jvarjaw minn tisbiħ jew titjib tal-postijiet li jaħdmu minnhom l-organizzazzjonijiet għal xiri ta’ riżorsi biex l-organizzazzjonijiet ikollhom biex u minn fejn jaħdmu aħjar.

Min-naħa l-oħra, l-iskema Be Active se tipprovdi għajnuna finanzjarja lil 21 proġett u inizjattivi li jinvolvu żgħażagħ oħra bħalhom dwar temi relatati mar-responsabbilizzazzjoni taż-żgħażagħ, id-drittijiet umani, il-kwalità tal-ħajja, id-djalogu interġenerazzjonali, l-ambjent u l-inklużjoni soċjali. Dawn il-proġetti jvarjaw minn kampanji li jkattru l-għarfien u jedukaw dwar relazzjonijiet abbużivi; żjarat fi skejjel u ċentri taż-żgħażagħ biex jesploraw dwar il-migrazzjoni u dak li tista’ qiegħda ġġib magħha; u anke l-implimentazzjoni tat-tieni fażi ta’ kafetterija li titmexxa minn żgħażagħ bid-Down’s Syndrome.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Theuma qalet li l-għan ta’ dawn l-iskemi hu li, “b’dawn il-fondi nkomplu nibnu l-kapaċità tal-għaqdiet taż-żgħażagħ sabiex jissaħħu u jibdew jaċċessaw fondi akbar mill-Unjoni Ewropea, speċjalment dawk tal-Erasmus+ u l-European Solidarity Corps. Fil-fatt, illum nedejna pubblikazzjoni dwar il-European Solidarity Corps sabiex tagħti aktar informazzjoni liż-żgħażagħ dwar dan il-kunċett.”

Il-pubblikazzjoni ‘European Solidarity: A Closer Look’, li ġiet żvelata waqt din is-serata, ġiet żviluppata u se tkun qiegħda tingħata lil żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bl-appoġġ tal-Eurodesk Youth Information Platform.

Sport