Saturday, October 26, 2024

67% esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali fuq ix-xogħol

Aqra wkoll

Stħarriġ ta’ MISCO isib li 72% tal-parteċipanti qatt ma tkellmu dwar is-saħħa mentali tagħhom ma’ min iħaddimhom

Skond stħarriġ li għadu kemm sar minn MISCO fost 565 persuna minn 9 setturi differenti ta’ xogħol, 67% ammettew li xi darba jew oħra esperjenza problemi ta’ saħħa mentali minħabba x-xogħol tagħhom, speċjalment ansjetà u stress.

L-istħarriġ ‘Wellbeing Assessment at Work’ sar minn MISCO f’Marzu bħala parti minn stħarriġ ġdid dwar saħħa mentali li se jkun qed jistħarreġ u jidentifika kif iħossuhom l-impjegati dwar is-saħħa mentali tagħhom fuq il-post tax-xogħol. L-istħarriġ jappella lill-kumpaniji kollha li jixtiequ jitgħallmu iżjed dwar il-qagħda mentali tal-impjegati tagħhom biex ikunu jistgħu jgħinuhom aħjar. L-istħarriġ jista’ wkoll jitfassal skond il-ħtiġijiet partikolari tal-kumpanija.

“Is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol diġa kienet ta’ tħassib qabel COVID-19 fil-fatt, dan l-istħarriġ sar fil-bidu ta’ Marzu, qabel ma biss konna nimmaġinaw kemm kien se jkun kbir l-impatt ta’ din il-pandemija,” qalet Odessa Farrugia minn MISCO.

“L-għajnuna għas-saħħa mentali għadu taboo u ħafna għadhom jaħsbu li din tikkonċerna biss ftit individwi iżolati. Iżda issa, b’din il-pandemija li probabbli se titniżżel bħala l-ikbar sfrattament professjonali fl-istorja, kulħadd se jkun b’xi mod jew ieħor effettwat fuq livell psikoloġiku minn din l-esperjenza globali u ħafna effetti psikoloġiċi kapaċi jibdew ħerġin iżjed fiċ-ċar hekk kif bil-mod qegħdin noħorġu mill-lockdown. Din hija xi ħaġa naturali u parti minn natura umana u xi ħaġa ta’ min jistennieha. Għalhekk, il-ħtieġa li kumpaniji jistħarrġu s-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom se ssir importanti iżjed minn qatt qabel,” qalet Odessa Farrugia.

B’kollox, 565 ħadu sehem f’dan l-istħarriġ u dawn ġew minn disa’ setturi different fosthom mill-oqsma tas-servizzi finanzjarji, tal-manifattura, l-amministrazzjoni u t-turiżmu. Filwaqt li 54% ta’ dawk li rrispondew kienu nisa, 66% jaħdmu fis-settur privat, 31% jaħdmu fis-settur pubbliku u 3% jaħdmu ma’ NGO’s.

Meta kienu mitluba jfissru l-istat mentali tagħhom bħalissa, 24% qalu tajjeb ħafna, 44% qalu tajjeb, 24% qalu ħażin u 7% wieġbu ħażin ħafna.

“Jista’ jkun li din is-sitwazzjoni ġejja wkoll mill-fatt li ħafna impjegati qed jaħdmu iżjed mis-soltu. Fil-fatt, 40% ta’ dawk li rrispondew, qalu li qed jaħdmu bejn 41 u 50 siegħa. L-istħarriġ ikkonferma wkoll li 83% minn dawn ma jaħdmux bix-shift.”

Filwaqt li 69% ammettew li qatt ma ħadu ħin liberu mix-xogħol minħabba stat mentali ħażin, 79% minnhom qalu li qatt m’għamlu dan għaliex qatt ma ħassew verament il-bżonn. 

“Dan iqajjem punt pertinenti ieħor. Jista’ jkun il-każ li m’hemmx biżżejjed għarfien li jħeġġeġ lill-impjegati jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom aħjar?” 

Mistoqsija dwar liema inizjattivi jipprovdi l-post tax-xogħol tagħhom biex jgħinhom itejjbu s-saħħa mentali tagħhom, 42% semmew sigħat flessibbli, 22% semmew kultura ta’ komunikazzjoni miftuħa, 21% semmew programmi ta’ għajnuna għall-impjegati u terapija filwaqt li 18% semmew inizjattivi favur il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu bħal gym, ikel, eċċ…

“Imma forsi waħda mill-iktar sejbiet inkwetanti kienet il-punt sa fejn l-impjegati huma lesti li jikxfu l-problema tagħhom u jitkellmu dwarha. 55% ma jħossuhomx kunfidenti li jiżvelaw stress mhux maniġġjabbli jew problemi ta’ saħħa mentali lil min iħaddimhom jew lill-maniġer attwali tagħhom, 72% qatt ma żvelaw il-kwistjonijiet tagħhom ma’ min jimpjegahom filwaqt li 70% ta’ dawk li għamlu hekk, qatt ma rċivew trattament. Dawn iċ-ċifri forsi jikkonfermaw li fejn jidħol il-benesseri fuq il-post tax-xogħol, min iħaddem jeħtieġ li jieħu l-ewwel pass attiv jekk verament jimpurtahom minn nies tagħhom,” temmet tgħid Odessa Farrugia.

‘Wellbeing Assessment at Work’ se jkun wieħed mis-suġġetti li għandhom jiġu diskussi waqt webinar li qed jiġi organizzat mill-MISCO fit-22 ta’ Lulju biex jaqsam l-għarfien dwar is-suġġett u jkompli jqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Dawk interessati li jissieħbu f’dan il-webinar għandhom jikkuntattjaw lill-MISCO fuq [email protected]

Fost affarijiet oħra li ħarġu minn dan ir-rapport: –

  • 40% ta’ dawk li wieġbu qalu li effetti ta’ saħħa mentali fqira jaffettwa l-livell ta’ konċentrazzjoni fuq ix-xogħol li jwasslu għall-kunflitt mal-kollegi, li jkollhom inqas paċenzja u li jispiċċaw idumu iżjed biex ilestu x-xogħol li jkollhom jagħmlu.
  • 52% ta’ dawk li wieġbu spiss iħossu li x-xogħol tagħhom huwa stressanti.
  • 20% qalu li l-istress tagħhom ġej minn ħafna xogħol
  • 46% qalu li jħossu ħafna pressjoni fuq ix-xogħol

Sport