Bla dubju, il-jum tat-28 t’April se jibqa’ mfakkar bħala ġurnata ewlenija fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Dan għax kien permezz tal-ġlieda li għamel il-moviment tal-ħaddiema magħqud bejn il-General Workers’ Union u l-Partit Laburista li ultimament wassal għall-ħelsien sħiħ ta’ pajjiżna mill-ħakma barranija. Sa minn dakinhar il-ħaddiema li niżlu fit-toroq jipprotestaw kienu diġà bdew l-għajta għall-indipendenza ta’ Malta.
L-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April 1958 li kien segwit minn irvell nazzjonali mill-ħaddiem kien minħabba li l-Gvern Ingliż ried inaqqas drastikament l-impjiegi fit-Tarzna ta’ Malta li dak iż-żmien kienet tħaddem iżjed minn 12,000 persuna. F’dan l-istrajk, il-ħaddiema Maltin kienu bagħtu messaġġ ċar lill-ħakkiema Ingliżi illi ż-żmien tagħhom f’pajjiżna kien beda jiġi fi tmiemu.
Il-ħaddiema għarfu wkoll li pajjiżna kien kapaċi jieħu rajh f’idejh. Kienu ħafna l-ħaddiema u żgħażagħ li wrew determinazzjoni liema bħalha u mingħajr biża’ u b’militanza kbira ħarġu jipprotestaw. Kienet ġurnata fejn il-ħaddiema mmexxija mill-GWU u anke bl-għajnuna tal-Partit Laburista ddominaw il-pjazez u t-toroq.
Mit-28 t’April 1958 lil hawn, ix-xenarju politiku nbidel kompletament għaliex ftit snin wara minn Gvern kolonjali twieled Gvern mill-Maltin. Għalhekk huwa importanti li din il-ġrajja storika tibqa’ tiġi mfakkra għax kif qal tajjeb is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, tirrappreżenta l-bidu ta’ mixja tal-ġens Malti, tal-ħaddiem.
L-istrajk tat-28 ta’ April 1958, kien li xegħel il-fjamma biex il-ħaddiema jibdew jiddefinixxu u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Matul il-medda taż-żmien, l-ħaddiema komplew jiksbu aktar drittijiet, bil-GWU tkun fuq quddiem nett f’dawn il-kisbiet.
Nemmnu għalhekk li kull ħaddiem għandu jkollu d-drittijiet tiegħu mħarsa u msaħħa. Illum il-ġurnata jeħtieġ li nkomplu mexjin fit-triq li qbadna dakinhar u fl-istess waqt il-ħidma għandha tkompli biex naraw li dak li għandu d-dritt għalih il-ħaddiem jingħatalu. Filwaqt li huwa tajjeb li nibqgħu nfakkru f’dak kollu li ksibna tul il-milja tas-snin, huwa essenzjali li nkomplu nibnu fuqhom għal ġejjieni aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.