Hekk kif il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, ippreżenta l-pubblikazzjoni ‘Governance Action on the NAO’s Annual Report on Public Accounts 2023 and other NAO reports 2024’ lill-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, huwa ħabbar li kienu 686 l-azzjonijiet li implimenta s-Servizz Pubbliku li ħarġu mir-rapporti tal-awditur.
Dan huwa numru b’saħħtu ħafna u jindika b’mod ċar li l-Amministrazzjoni Pubblika mhux biss tagħraf il-ħidma siewja tal-Awditur imma wkoll taħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru.
Waqt il-preżentazzjoni ntqal ukoll illi din is-sena, il-pubblikazzjoni tlestiet xahrejn qabel u l-istatistika hija aġġornata sal-aħħar ta’ Awwissu 2025. Minkejja dan, intlaħqet rata ta’ twettiq b’saħħtu ta’ 86%.
Ir-rapport tal-Governance Action ikompli jservi bħala strument importanti ta’ monitoraġġ biex jippromwovi t-trasparenza u l-kontabbiltà fid-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħuda. Ir-rapport jikkontribwixxi b’mod attiv għall-identifikazzjoni ta’ oqsma li jeħtieġu titjib, filwaqt li jarmonizza l-proċeduri amministrattivi mal-prinċipji ta’ governanza tajba u mal-għanijiet strateġiċi nazzjonali ta’ Malta, inkluż dawk definiti fil-‘Malta Vision 2050’.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, qal li apparti r-riżultati sbieħ miksuba, kien hemm entitajiet li ġew indikati bħala eżempji ta’ prattiċi tajba. Dawn kienu l-Awtorità tal-Istatistika fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u l-iskema ‘Home Care and Help Services’ fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva. Huwa tenna li dipartimenti governattivi u entitajiet oħra għandhom jikkupjaw dawn il-prattiċi ħalli jtejbu l-operat tagħhom.