Thursday, January 1, 2026

70,000 ruħ attendew iċ-Ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Huwa stmat li 70,000 ruħ inġabru fi Pjazza San Ġorġ, fit-toroq prinċipali fil-Belt Valletta, Pjazza Tritoni u madwar il-Port il-Kbir, fejn ittellgħet ħarqa spettakolari tal-logħob tal-ajru, biex jilqgħu l-bidu tas-sena 2026.

Iċ-ċelebrazzjonijiet inkludew spettaklu mill-isbaħ fi Pjazza San Ġorġ bi prestazzjonijiet minn numru ta’ artisti lokali fosthom Glen Vella, Aidan, Drakard, Denise, Gaia, Karin Duff, Keith Zammit Mintoff, Klinsmann u Miriana Conte. L-ispettaklu laħaq il-qofol tiegħu b’wirja mill-isbaħ mill-artist internazzjonali John Newman. Il-preżentaturi waqt iċ-Ċelebrazzjoni ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena kienu Ron, Jamie Cardona u Taryn Mamo Cefai, li wkoll ħadmu fuq kanzunetta speċjali għal din il-lejla.

Iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-quċċata f’nofsillejl b’wirja spettakolari ta’ logħob tan-nar fil-Port il-Kbir, l-ikbar waħda li qatt saret għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Folol kbar inġabru f’diversi postijiet madwar il-Port il-Kbir biex igawdu dan l-ispettaklu fl-isfond tal-Port il-Kbir.

Din kienet l-ikbar ċelebrazzjoni ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena li qatt saret fil-Belt Valletta, u ġabet fi tmiem il-programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal 2025, sena ta’ suċċess ta’ attivitajiet organizzati mill-Aġenzija.

Iċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta huma organizzati minn G7 Events u appoġġjati mill-Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira pprovdut mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali. Dan l-avveniment kien appoġġjat ukoll mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport