Sunday, October 27, 2024

€700,000 f’modernizzar fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Ħal Far għal persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol ta’ modernizzar fuq iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Ħal Far tal-Aġenzija Sapport, b’investiment ta’ madwar €700,000, għal persuni b’diżabilità. Ix-xogħlijiet huma maqsuma f’fażijiet differenti, fuq medda ta’ bejn tlieta u erba’ snin.

Dan iċ-ċentru  joffri diversi programmi bil-għan li persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti filwaqt li jtejbu l-abilitajiet tagħhom.

Minn dan il-proġett se jkunu qegħdin jibbenefikaw 81 persuna b’diżabilità li jattendu l-istess ċentru, kif ukoll persuni oħrajn b’diżabilità li jattendu ċentri oħrajn.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna, għamlet żjara fuq il-post fejn setgħet issegwi l-andament tax-xogħol li qed isir.

S’issa diġà sar xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fuq barra kollu taċ-ċentru kif ukoll fuq aperturi, kmamar tal-banju u sar installar ta’ units ġodda tal-arja kundizzjonata, fost oħrajn. Ix-xogħol li għaddej bħalissa jikkonsisti f’tisbiħ u ristrutturar ta’ erba’ kmamar li jintużaw għal diversi għanijiet, fosthom fejn jitwasslu programmi inklussivi, terapewtiċi u edukattivi lill-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentru.

Qed jinħoloq spazju dedikat għal apparat ġdid u modern tal-eżerċizzju fiżiku li se jkun aċċessibbli għal persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti. Fost ix-xogħlijiet proġettati hemm multipurpose training pitch u installazzjoni ta’ sistema ta’ pannelli fotovoltajiċi.

F’kummenti li għamlet fi tmiem iż-żjara tagħha l-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “Dan il-proġett huwa xhieda oħra ħajja u b’konformità mad-determinazzjoni tagħna li ma nieqfu qatt f’ħidmietna b’risq il-persuni b’dizabilità. Nibqgħu ninsistu fil-kuraġġ lill-persuni b’diżabilità biex jemmnu fihom infushom. Lilna se jibqgħu jsibuna warajhom.”

Il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna enfasizza fuq il-ħidma tal-Aġenzija mhux biss fl-iżvilupp ta’ servizzi u programmi għal persuni b’diżabilità, iżda wkoll l-impenn tagħha sabiex tiżviluppa ambjent modern u aċċessibbli minn fejn tkun tista’ twassal sessjonijiet u programmi varji. L-immodernizzar taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Ħal Far hu biss wieħed mill-proġetti li l-Aġenzija qed timplimenta sabiex tkompli ttejjeb il-faċilitajiet minn fejn toffri servizz.

Sport