“Aħna gvern li qatt ma bżajna nieħdu d-deċiżjonijiet u b’din ir-riforma se noffru serħan il-moħħ lill-bdiewa tagħna li b’effett reċiproku se noffru serħan il-moħħ dwar il-kultivazzjoni tal-ikel Malti. Fl-istess waqt sidien tal-kera se jkollhom l-opportunità li jagħmlu talbiet biex jingħataw żidiet ġusti fil-kirjiet tagħhom”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt li kien qiegħed jitkellem dwar ir-riforma dwar it-tiġdid ta’ kiri tar-raba’.
Il-Ministru spjega li din ir-riforma flimkien ma’ oħrajn li kien ilhom snin biex jittieħdu juru kemm dan il-gvern qatt ma’ beża’ jibdel l-isfidi f’opportunitajiet. Attard fakkar dwar żmien il-pandemija u l-effetti globali tal-gwerra fl-Ukrajna, fost sfidi oħra li ġegħluna napprezzaw iktar kemm huwa importanti dan is-settur u l-bżonn li pajjiżna jsaħħaħ il-proċess tal-kultivazzjoni tal-ikel tiegħu.
Rigward is-sitwazzjoni f’pajjiżna, il-Ministru Attard spjega li f’Malta għandna madwar 10,500 bidwi reġistrati u li bejniethom jikkultivaw madwar 10,700 ettaru ta’ art agrikola. Huwa kompla biex jispjega li 71 fil-mija ta’ dawn il-bdiewa, li huma ekwivalenti għal 7,500, jikkultivaw prodotti f’art li mhix proprjetà tagħhom.
Dan il-kunċett ta’ qbiela jista’ jinvolvi ftehim bejn il-bdiewa u l-privat u l-bdiewa u l-gvern, iżda r-riforma qiegħda ssir biex tindirizza ċertu nuqqasijiet bejn il-bidwi u l-privat f’każi fejn is-sid jitlob żieda fil-prezz tal-kirja dovuta lilu. Il-Ministru spjega li din ir-riforma hija intiża li toffri sigurtà lill-bidwi li ma jiġux imċaħħda mill-art li jkun ilu jaħdmu għal għexieren ta’ snin. Saħaq li bidwi m’għandux ikunx soġġett għal żieda li ma tippermettilux għalkollox li jkompli jkabbar il-prodotti tiegħu b’għajxien u dħul diċenti li jkun rispettabbli kemm għalih kif ukoll għall-familjari tiegħu.
Spjega kif dan ix-xenarju legali wassal għal numru ta’ kawżi b’sidien li jsostnu li l-qbiela hija baxxa. Tkellem dwar madwar 100 kawża li mhux biss qed iżidu l-pressjoni fil-qrati tagħna, iżda anke fuq is-settur agrikolu li qed iwassal għal effetti diretti fuq l-attività li dawn il-bdiewa jiġġestixxu.
Attard qal li sentenzi li ngħataw fl-aħħar snin wrew il-bżonn li l-liġi tkun imsejsa u dan l-intervent leġiżlattiv se jerġa’ jnissel ċertezza u serħan il-moħħ. Dan se jwassal biex ma jiġix ipperikolat it-titolu ta’ min jaħdem l-art agrikola u b’hekk il-bidwi se jingħata serħan il-moħħ li se jwassal biex iħares aktar fit-tul u jkompli jinvesti għax l-ebda bidwi mhu se jasal biex jinvesti f’sitwazzjoni ta’ inċertezza.
Kompla biex jispjega dwar dak imħabbar aktar qabel permezz ta’ White Paper ippreżentata fl-aħħar ġimgħat, fosthom il-kumitat li se jkun reposponsabbli minn kriterji li permezz tagħhom se jkun qiegħed jiġi evalwat il-prezz ġust tal-qbiela, fosthom li l-art agrikola tiġi trattata b’mod separat minn artijiet agrikoli oħra fil-madwar.
Spjega li ladarba l-bord jasal biex jikkwantifika dan il-ħlas dovut fi qbiela, il-proċess ta’ ftehim għandu jtul tmien snin u wara jekk ma jkunx hemm ftehim, ikun hemm in-neċessità li s sid jerġa’ jiskatta din il-proċedura.
“Dawn l-emendi huma bżonjużi u neċessarji ħafna. Nisħaq fuq l-importanza tal-agrikoltura fl-iżvilupp ta’ pajjiżna. Din hija riforma leġiżlattiva li tagħraf u tindirizza l-isfidi li għollew rashom matul is-snin u tassigura futur sostenibbli għas-settur agrikolu ta’ pajjiżna”, temm jgħid Attard.