Sunday, November 24, 2024

712,000 passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Awwissu

Aqra wkoll

  • F’Awwissu ġie rkuprat 87% tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija
  • Is-seat load factor laħaq l-ogħla livell ta’ kull żmien ta’ 90%
  • L-aktar ħamest iswieq popolari kienu responsabbli għal 67% tat-traffiku ta’ Awwissu.

Awwissu kien l-aktar xahar impenjattiv għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta din is-sena, bil-movimenti tal-passiġġieri għal dan ix-xahar jaqbżu s-700,000 għall-ewwel darba mill-2019 ’l hawn.

F’Awwissu għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta 712,122 passiġġier, total li jsarraf fi rkupru ta’ 86.5% tat-traffiku li kien ġie ġestit fl-istess xahar fl-2019. Dan ir-riżultat ġie rreġistrat flimkien ma’ rkupru ta’ 84.2% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet operati minn u lejn Malta.

Is-seat load factor (SLF), li jkejjel kemm minn dawn il-postijiet kienu mimlijin, laħaq l-ogħla livell ta’ kull żmien ta’ 90.4%. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 2.4% meta mqabbel ma’ Awwissu 2019.

L-aktar jum impenjattiv f’termini ta’ movimenti tal-passiġġieri kien il-21 ta’ Awwissu. Wara dan il-jum beda jiġi osservat xi tnaqqis fis-seat load factors, hekk kif ix-xahar li huwa sinonimu mal-btajjel tas-sajf beda joqrob lejn tmiemu bil-mod.

L-AQWA SWIEQ

L-aktar swieq popolari matul ix-xahar kienu l-Italja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja, li flimkien kienu responsabbli għal 67% tat-traffiku kollu ta’ Awwissu. Minkejja li r-Renju Unit u l-Ġermanja kienu fost l-aqwa ħamest iswieq tax-xahar, in-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw lejn u minn dawn iż-żewġ pajjiżi baqa’ ferm aktar baxx mil-livelli tal-2019.

Min-naħa l-oħra, ħarsa lejn l-aqwa 10 iswieq għax-xahar turi li l-Italja, Franza, il-Polonja, l-Isvizzera, il-Greċja u l-Awstrija kollha rreġistraw livelli varji ta’ tkabbir fuq l-2019. Is-suq Grieg kellu l-aktar rata ta’ tkabbir b’saħħitha ta’ 44%, li rriżultat minn skeda ta’ titjiriet operati minn żewġ linji tal-ajru lejn tliet ajruporti Griegi.

Bi tkabbir ta’ 34% fuq l-2019, is-suq Franċiż kellu t-tieni l-aktar żieda notevoli fin-numru ta’ passiġġieri. Ħames linji tal-ajru qegħdin joperaw titjiriet bejn Malta u disa’ ajruporti fi Franza bħala parti mill-iskeda tas-sajf tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Sport