Sunday, November 24, 2024

717-il każ ġdid tal-Covid-19; imutu tliet persuni

Aqra wkoll

Is-sottovarjant tal-Omicron li huwa magħruf bl-isem ta’ BA.2 issa qiegħed jiddomina madwar id-dinja kollha, fosthom f’pajjiżna stess. Illum f’pajjiżna ġew irreġistrati 717-il każ ġdid tal-Covid.

Dan tħabbar mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt li kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet tal-qarrejja ta’ Times of Malta matul l-aħħar edizzjoni tal-programm Ask Charmaine.

Hija qalet li s-sottovarjant BA.2 issa jammonta għal 86% tal-każijiet madwar il-pajjiż kollu.

Dan il-varjant ma jidhirx li qed ikollu konsegwenzi aktar ħorox minn dak oriġinali, bi Prof. Gauci tirrimarka li minkejja ż-żieda fil-każijiet ġodda, ma kienx hemm żieda fil-persuni li kellhom bżonn jidħlu l-isptar.

Intqal kif fl-isptar hemm 100 pazjent li huma pożittivi għall-virus iżda setgħu ddaħħlu b’mard ieħor, filwaqt li erba’ persuni jinsabu fit-Taqsima tal-kura intensiva. Intant, fl-aħħar 24 siegħa tliet persuni tilfu ħajjithom waqt li kienu pożittivi bil-virus, filwaqt li fiequ 216-il persuna oħra. Dan ifisser li bħalissa n-numru ta’ każijiet attivi jammonta għal 5,783. 

Prof. Gauci qalet li n-numru ta’ każijiet kien mistenni li jiżdied fosthom minħabba l-fatt li r-restrizzjonijiet ġew rilaxxati, kien hemm żieda fil-mobbiltà tan-nies u minħabba żieda fil-preżenża tas-sottovarjant. 

Hija qalet li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jitħabbar il-pjan ta’ aktar rilaxx tarestrizzjonijiet tal-Covid-19.

Osservat il-fatt li l-vaċċin qed jaħdem u kien s-soluzzjoni li tippermettilna nirrilassaw il-miżuri, minkejja li żiedet tgħid li l-enfasi se tkun dejjem aktar fuq ir-responsabbiltà tan-nies.

Hija qalet li filwaqt li l-informazzjoni dwar il-COVID-19 bħalissa mhix qed tinħareġ bħas-soltu fuq il-midja soċjali, id-Dipartiment tas-Saħħa għadu qed jippubblika din l-informazzjoni fuq l-internet. Wieħed jista’ jara dan billi jagħfas hawnhekk.

Sport