Saturday, November 23, 2024

75 sena mit-tmiem tal-gwerra… iben fl-aħħar isib il-missieru

Aqra wkoll

It-Tieni Gwerra Dinjija ħalliet imrar fost eluf kbar ta’ familji, fuq kull naħa tal-front tal-battalja. Mhux biss suldati li tilfu ħajjithom f’din il-gwerra imma suldati li għebu u qatt ma nstema’ xejn aktar dwarhom.   Eluf ta’ familji, baqgħu għal snin sħaħ wara ma jafux x’ġara mill-għeżież tagħhom li kienu fuq il-front tal-battalja, allavolja kienu aktar minn ċerti li dawn kienu tilfu ħajjithom.

F’sitwazzjoni simili kien Karl Cramm. Ġermaniz li  missieru hu wieħed minn kważi miljun suldat Ġermaniż li għadhom meqjusin mitlufin f’din il-gwerra. 

Karl, l-aħħar li ra lil missieru kellu biss ħames snin.  Dik hi l-unika memorja li għandu. Illum karl għandu 83 sena.

Wieħed jista’ jimmaġina f’moħħ dan it-tifel u aktar tard meta kiber xi ħsibijiet kienu jgħaddu. Hu u familtu fittxew fuq li fittxew biex ikollhom aħbarijiet dwaru, jew x’seta’ ġara minnu.

Jgħaddi ż-ż-żmien u ma jisimgħu xejn. Imma imbagħad bħal sajjetta fil-bnazzi, jirċieivi aħbar li sabu lil missieru. Eżattament fejn kien midfun. 

Kien f’Ġunju tas-sena li għaddiet, meta hu irċieva messaġġ li kien qata’ qalbu li xi darba jirċievi. L-ittra intbagħtet mill-Arkivji Federali tal-Ġermanja, organizazzjoni li tassisti familji biex isibu l-qraba tagħhom li kienu mitlufin.

Missieru kien suldat Ġermaniż li għeb fl-assedju fuq il-belt ta’ Stalingrad illum imsejħa Volgograd. Hu kien qal li “l-aħħar li rajt lil missieri jien kelli biss ħames snin”.

Jenfasizza li “l-aħħar ittra li irċevejna mingħand missieri kien f’Jannar tas-sena 1943.  Din kienet waslet fil-villaġġ ta’ Gross Lafferde, li tinsab fil-belt ta’ Braunschweig, fejn kienet tgħix il-familja tiegħu.  Wara dik l-ittra, l-ittri kollha li bagħtet martu lilu madwar 3,000 kilometru l-bogħod fi Stalingrad, irritornaw lura mhux moqrijin.

“Id-dwejjaq tagħna għal dan kienu kbar”, jgħid Karl Cramm. Ma kien hemm ebda ħjiel ta’ x’kien ġara minn missieru li kien ġie ingaġġat fl-armata fis-sena 1939 u kien intbagħat direttament fuq il-front tal-battalja.  Kien fis-sena 1942, meta hu irċieva l-ordni biex imur mas-suldati lejn ir-Russja, bl-assedju fuq Stalingrad isir bejn is-sena 1942-1943.

Tfulija mingħajr missier

Fis-snin ta’ wara l-gwerra hu ħass ħafna in-nuqqas ta’ missieru. “Kont inkun imdejjaq ħafna, meta nara tfal oħra ma missierhom. Kont naf li missieri qatt mhu se jirritorna.” Jispjega li hu kien jgħin lill-familja fl-għelieqi biex ikollhom flus biżżejjed biex hu ikompli bl-edukazzjoni. 

“Meta tfal oħra kienu jkunu qed jilagħbu fit-toroq, jien kont inkun fl-għelieqi naħdem ma’ ommi. Wara bdejt naħdem bħala skrivan u kelli l-familja tiegħi. Minn dejjem xtaqt li nsir naf x’ġara minn missieri.  Hu kien talab l-għajnuna tal-German War Grave Commission, biex jassistu. Din il-kummissjnoni tistma li hemm xejn inqas minn 1.3 miljun suldat Ġermaniż li mhux magħruf x’ġara minnhom għax ma nstabux.

Ir-riċerka li għamel Cramm kienet kollha għalxejn. Dan iżda intemm ftit xhur ilu, meta hu irċieva ittra mill-arkivji Ġermaniżi.

Fi kliemu stess, “fil-bidu kif rajt l-ittra ma stajtx nemmen.  Bdejt nibki.”

Misssieru instab f’qabar tal-massa f’Volgograd

Il-fdalijiet ta’ missieru instab f’siti tal-kostruzzjoni f’Volgograd. Is-sit kien parti minn qabar tal-massa li fih kien hemm xejn inqas minn, 1,800 suldat. Għal Cramm, is-sejba kienet xi ħaġa kbira. “Kelli ferħ inkredibbli.  Ma nafx kif  u meta miet, imma kuntent li għallinqas naf fejn hu qiegħed.”

Kienet it-tag ta’ identifikazzjoni li wasslet biex finalment hu ikun jaf fejn qed missieru. Din it-tag kienet tinġarr minn kull suldat biex b’hekk ikunu identifikati jekk imutu.  Fuq it-tag ma kienx  hemm l-isem ta’ missieru imma numru biss. Minn riċerka li imbagħad saret, sar magħruf min kien.

Cramm imur ir-Russja

Ma setax jonqos li wara li sar jaf fejn hu missieru hu mar ir-Russja. Ivvjaġġa lejn Volgograd flimkien ma’ ibnu u żaru iċ-ċimiterju ta’ Rossochka, fejn jinsab midfun. Hu ħa sehem f’ċerimonja u poġġa  bukkett fjuri fuq il-qabar ta’ missieru.  Hu anke poġġa bukketti ta’ jfuri fuq mafkar ta’ suldati Russi. Hu għamel dan bħala sinjal ta’ rikonċiljazzjoni. 

“L-aktar ħaġa importanti għaliha kienet dik li jien stajt nieħu t-tag ta’ identifikazzjoni ta’ missieru miegħi.  Hu ġarrha miegħu sa mill-bidu tal-gwerra, sa l-aħħar ta’ ħajtu. Din hi parti minnu. It-tag illum qiegħda esposta f’dari, biex naraha kuljum. Għalija tfisser li qisu missieri ġie lura”, jiddikjara Karl.

Sport