Saturday, October 12, 2024

768 appartament ta’ housing soċjali b’valur ta’ €58 miljun

Aqra wkoll

Ritratti: ALAN SALIBA

Projects Plus, li għandha fir-responsabbiltà tagħha l-project management tal-akbar proġett ta’ housing soċjali, bħalissa qiegħda tibni xejn inqas minn 768 appartament, xogħol li jlaħħaq it-€58 miljun. Dan il-proġett jikkonsisti f’16-il sit imqassmin f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.

Waqt konferenza stampa, fil-preżenza tal-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, ingħata rendikont tax-xogħlijiet li għaddejjin f’dawn is-siti li jinsabu f’Ħ’Attard, Ħal Luqa, is-Siġġiewi, il-Qrendi, Birkirkara, l-Imsida, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop, il-Birgu u Ħaż-Żebbuġ.

Ġie spjegat li s-sit f’Ħ’Attard jinsab kważi lest, dak ta’ Birkirkara tlesta 82% minnu fejn bħalissa jinsabu fil-proċess li jgħaddu d-dawl, waqt li żewġ siti oħra f’Ħal Kirkop jinsabu wkoll fi stadju avvanzat ħafna. Is-siti l-oħra wkoll jinsabu fi stadju ta’ implimentazzjoni, b’dak tal-Imsida tlesta x-xogħol ta’ skavar u issa se tibda l-kostruzzjoni.

Iċ-Chairman ta’ Malita Investments Kenneth Farrugia spjega li dan il-proġett minnu nifsu huwa l-akbar proġett ta’ housing affordabbli li se jindirizza “l-lakuna li għandna għal appartamenti affordabbli.”
“Id-domanda li hemm tiżboq it-3,300 applikazzjoni. L-appartamenti se jkunu aċċessibbli għal kulħadd, inkluż il-persuni vulnerabbli, u se jkunu ta’ qisien differenti skont il-kobor tal-familja,” qal Farrugia.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Borg qal li l-project managament f’pajjiżna huwa kruċjali jekk irridu nwasslu l-proġetti fil-ħin. Qal li n-nies tieħu pjaċir tara l-Gvern u l-privat iħabbru proġetti ta’ interess għalihom iżda tieħu pjaċir ukoll tara meta dawn il-proġetti jitlestew.

Il-Ministru Borg żied jispjega wkoll li Projects Malta mhux biss qiegħda timplimenta dawn il-proġetti imma qiegħda taħseb xi rwol akbar għandu jkollha fil-futur qarib. Tenna li hemm diversi Kunsilli Lokali li għandhom bżonn l-assistenza biex iwettqu l-proġetti filwaqt li hemm entitajiet sportivi li jridu jagħmlu dan u Ministeri oħrajn bħal dawk li jibnu djar tal-anzjani u entitajiet varji li wkoll jkollhom bżonn l-assistenza.

Sport