Sunday, December 22, 2024

770 student minn 15-il skola jiġbru ’l fuq minn €11,500 għal tfal bl-awtiżmu

Aqra wkoll

Fi tmiem il-5 edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali, tħabbar li nġabru ’l fuq minn €11,500 li permezz tagħhom se jinxtara apparat edukattiv lil tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu li għandhom bżonnijiet edukattivi partikolari u li ma jkunux jistgħu jikkomunikaw bit-taħdit. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ħadu sehem 770 student minn 15-il skola primarja u medja tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja.

Il-Qaritona Nazzjonali hija organizzata kull sena mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien ma’ The Malta Trust Foundation, din is-sena bis-sehem ukoll ta’ Malta Public Transport.

“Dan huwa avveniment b’sinifikat importanti ħafna, fosthom li nrawmu l-imħabba fit-tfal għall-qari, imma wkoll li nrawmu l-imħabba li naħsbu f’ħaddieħor,” qal il-Ministru Clifton Grima. Huwa kompla jgħid li, “Hija l-missjoni ewlenija tagħna bħala gvern li naraw li kull forma ta’ edukazzjoni tasal għand kulħadd – din hija waħda mill-prijoritajiet tiegħi bħala l-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni tat-tfal tagħna”.

F’din iċ-ċelebrazzjoni fl-għeluq tal-Qaritona Nazzjonali, li ġiet organizzata fi Spazju Kreattiv, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt, ġew ippremjati r-rebbieħa tal-Qaritona – dawk l-istudenti li ġabru l-iżjed flus fl-iskola tagħhom. Iċ-ċelebrazzjoni ġiet ippreseduta minn Marie-Louise Coleiro Preca, Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation, u l-Ministru Clifton Grima fil-preżenza tal-ġenituri tar-rebbieħa kif ukoll rappreżentanti tal-iskejjel li ħadu sehem f’din l-inizjattiva.

Waqt l-attività, l-Ambaxxatriċi tal-Qari Claudia Faniello interpretat il-kanzunatta tagħha ‘Ġmielek’ akkumpanjata mill-istudenti tal-klassi 4.1 mill-iskola primarja taż-Żejtun B tal-Kulleġġ San Tumas More. Ir-rebbieħa tal-Qaritona ngħataw medalja mingħand is-Sa Coleiro Preca, u ċertifikat tal-okkażjoni u kotba mill-Ministru tal-Edukazzjoni. L-Iskola Primarja Sacred Heart u l-Iskola Primarja Chiswick House School li ġabru l-iktar fondi fost l-iskejjel li pparteċipaw rispettivament, ingħataw tifkira speċjali mingħand il-Malta Trust Foundation, kif ukoll għotja ta’ kotba u riżorsi mingħand l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Ġew ippremjati wkoll l-aħwa Aurora Bellizzi u Dejjeen Bellizzi mill-iskola primarja tal-Marsa talli rnexxielhom jiġbru l-iktar fondi fost l-istudenti kollha.

Bil-flus li nġabru mill-istudenti, il-Malta Trust Foundation, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u numru ta’ entitajiet oħra, se tkun qed tinvesti f’riżorsi edukattivi li jgħinu lil tfal bl-awtiżmu li għandhom bżonnijiet edukattivi partikolari.

Il-Ministru Grima feraħ u rringrazzja lill-istudenti u l-iskejjel kollha li pparteċipaw fil-Qaritona 2022, u wera l-apprezzament tiegħu lejn l-Ambaxxaturi tal-Qari li żaru numru ta’ skejjel biex iħeġġu t-tfal jaqraw aktar. Huwa awgura li bl-eżempju ta’ dawn it-tfal rebbieħa, iktar tfal jinnamraw mal-qari u hekk tkompli tixxettel kultura letterarja, kritika u analitika.

Is-serata għalqet b’diskors mis-Sa Marie-Louise Coleiro Preca, li stqarret, “Tfal, tgħallmu ħobbu l-qari u skopru dinji ġodda permezz tal-kotba. Inħeġġiġkom taqraw kuljum u ħudu gost aqraw kullimkien. Permezz tal-qari wrejtu solidarjetà ma’ sħabkom u permezz tal-fondi li ġbartu se jinxtraw riżorsi edukattivi għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu”.

Ekonomija

Sport