Saturday, November 23, 2024

77mm xita mkejlin f’Novembru aktar xott mill-medja klimatika

Aqra wkoll

L-ewwel nofs ta’ Novembru kien ikkaratterizzat minn temp xott u kalm, filwaqt li t-tieni nofs serva bħala tfakkira li x-xitwa meteoroloġika kienet filqrib, bi ġranet aktar mirjieħa u mxarrbin.

It-temperatura tal-arja ta’ Novembru laħqet massimu ta’ 23.7°C fir-raba’ jum, hekk kif fl-ewwel nofs tax-xahar il-gżejjer Maltin esperjenzaw temp sabiħ li normalment huwa assoċjat mas-Sajf ta’ San Martin, u li huwa magħruf ukoll b’termini differenti f’pajjiżi oħrajn.

It-temperatura medja tal-arja għal Novembru kienet ta’ 17.7°C, jiġifieri 0.1°C ogħla min-norma klimatika, filwaqt li t-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet 1.0°C ogħla min-norma klimatika ta’ 21°C.

Il-kopertura medja tas-sħab għax-xahar kienet ta’ 3.1 oktas, jiġifieri kopertura eħfef milli mistennija f’dan iż-żmien tas-sena. Matul ix-xahar ixxemx sirġet għal 186.5 siegħa, bl-aktar jum imdawwal ta’ Novembru jirreġistra 9.8 sigħat xemxin.

B’kuntrast ma’ dan, is-17 ta’ Novembru kien l-aktar jum griż tax-xahar minħabba li matulu x-xemx ħarġet biss għal 0.5 sigħat. Dan il-jum kien ukoll l-aktar wieħed imxarrab għal Novembru, b’27.7mm xita jinġabru f’temp ta’ 24 siegħa. Tul ix-xahar tkejlu total ta’ 77.1mm xita, jiġifieri 24.6mm anqas millkwota għal Novembru.

Tul ix-xahar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku rrapporta tliet maltempati bir-ragħad u s-sajjetti fit-tieni nofs, kif ukoll sitt ijiem bil-bjuda ta’ filgħodu (shallow fog).

B’mod ġenerali x-xahar ta’ Novembru kien aktar kalm milli mistenni, bilveloċità medja tar-riħ tkun ta’ 6.6 knots minflok dik mistennija ta’ 8.3 knots.

L-aktar ġurnata mirjieħa kienet it-28 ta’ Novembru, b’buffura massima ta’ 35 knots mix-Xlokk kwarta Nofsinhar imkejla dakinhar.

Sport