Wednesday, July 24, 2024

8 mis-26 każ konklużi mis-Safeguarding Commission fl-2023 kienu sostanzjati

… erbgħa mill-każi sostanzjati kienu jinvolvu minuri

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, is-Safeguarding Commission ikkonkludiet 26 każ – 18 minnhom jinvolvu minuri u tmienja jinvolvu adulti vulnerabbli. Erbgħa mit-18-il każ li jikkonċernaw minuri kienu sostanzjati. Tnejn minn dawn il-każijiet kienu jinvolvu abbuż sesswali minn saċerdoti djoċesani.

Wieħed mis-saċerdoti ġie riferut lill-awtoritajiet ċivili. Il-vittma tal-każ l-ieħor – li meta ġie riferut il-każ kienet diġà adulta – ma xtaqitx tipproċedi b’rapport tal-pulizija minkejja l-għajnuna offruta mill-Kummissjoni biex tagħmel dan. Fiż-żewġ każijiet kienet rakkomandata restrizzjoni tal-ministeru pubbliku.

Iż-żewġ persuni involuti fil-każijiet l-oħra li jikkonċernaw minuri kienu lajċi. Wieħed mill-każijiet kien jinvolvi abbuż sesswali, filwaqt li l-każ l-ieħor kien ta’ fastidju sesswali. Iż-żewġ każijiet ġew riferuti lill-awtoritajiet ċivili.

Fir-rigward tal-kumplament tal-każijiet, wieħed kien parzjalment sostanzjat, wieħed ma kienx sostanzjat u l-ieħor ma kienx jitqies bħala każ ta’ safeguarding. Ħames każijiet ġew riferuti lil entitajiet jew isqfijiet barra minn Malta u ġew indirizzati minnhom. Is-sitt każijiet l-oħra ma kienu jeħtieġu l-ebda azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni.

Mit-tmien każijiet li jikkonċernaw adulti vulnerabbli, erbgħa minnhom kienu sostanzjati. Il-kategorija ta’ adulti vulnerabbli tinkludi persuni li minħabba żbilanċ ta’ poter mhux neċessarjament ikollhom l-abbiltà li jagħrfu jew jirreżistu abbuż sesswali jew forom oħra ta’ abbuż relatati ma’ safeguarding.

In-nies li fuqhom saret l-allegazzjoni huma żewġ reliġjużi u żewġ lajċi. F’dawn l-erba’ każijiet ġiet irrakkomandata restrizzjoni fuq il-ministeru pubbliku iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni oħra għaliex il-vittmi ma xtaqux jagħmlu rapport mal-awtoritajiet ċivili jew għax ma twettaq l-ebda reat.

Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kap tal-Kummissjoni Mark Pellicano, li spjega kif nofs il-każijiet konklużi mis-Safeguarding Commission matul is-sena li għaddew imorru lura aktar minn 10 snin ilu.

Huwa spjega wkoll li s-Safeguarding Commission taqdi funzjoni edukattiva u preventiva importanti. Fil-fatt, matul is-sena l-oħra, għamlet background checks fuq aktar minn 5,500 persuna u pprovdiet 22 sessjoni ta’ taħriġ lil aktar minn 1,300 peersuna involuta fil-Knisja. Il-Kummissjoni għamlet ukoll żewġ kampanji ta’ għarfien.

Biex twettaq aħjar il-missjoni tagħha, il-Kummissjoni ħolqot tliet taqsimiet fi ħdan l-uffiċċju biex tiżgura s-separazzjoni tar-rwol u r-responsabbiltajiet: it-taqsima tal-prevenzjoni u t-taħriġ, it-taqsima tal-kura u għajnuna tal-vittmi u t-taqsima tal-investigazzjoni u l-assessjar.

Il-Kummissjoni m’għadhiex tara każijiet relatati mad-Djoċesi ta’ Għawdex wara li fl-2022, id-Djoċesi Għawdxija waqqfet Safeguarding Commission għaliha. Dan ifisser li kull allegat każ ta’ safeguarding li seħħ f’Għawdex għandu jiġi riferut lill-Isqof t’Għawdex jew lid-delegat tiegħu.

Dwar is-Safeguarding Commission

Is-Safeguarding Commission hi responsabbli mill-promozzjoni ta’ ambjenti siguri fi ħdan il-Knisja f’Malta. Dan jitwettaq permezz tal-implimentazzjoni ta’ prattiċi preventivi u taħriġ kif ukoll tingħata l-kura u għajnuna lill-vittmi.

Il-Kummissjoni hi responsabbli li twettaq investigazzjonijiet preliminari u assessjar tar-riskju dwar l-allegati każijiet imressqa għandha, u tħares il-benesseri ta’ dawk li rreferew kaz u tal-allegati vittmi, kif ukoll il-benesseri ta’ dawk li huma s-suġġett tal-allegazzjoni.

Il-missjoni tas-Safeguarding Commission hi li tistabbilixxi Knisja sigura u dan permezz ta’ programmi ta’ prevenzjoni, screening tal-persuni li jaħdmu jew huma involuti fil-Knisja, tinvestiga fejn hemm każijiet relatati ma’ safeguarding u toffri appoġġ lill-vittmi.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 2247 0950 jew jibgħat email fuq [email protected]

Ekonomija

Sport