Monday, December 23, 2024

80,000 persuna jieħdu sehem f’rally ġewwa Berlin b’appoġġ lejn id-dimostranti Iranjani

Aqra wkoll

Madwar 80,000 Iranjan u attivisti għamlu rally ġewwa l-kapitali Ġermaniża Berlin bħala turija ta’ solidarjetà lejn id-dimostranti Iranjani li qed jagħmlu protesti kbar ġewwa pajjiżhom. 

Ir-rally li sar fi tmiem il-ġimgħa ġewwa l-kapitali Ġermaniża qed ikun meqjus bħala l-ikbar li qatt sar minn komunitajiet Iranjani barra mill-pajjiż. F’din id-dimostrazzjoni, li għaliha attendew Iranjani minn kull parti tal-Ewropa, spikkat l-għajta ta’ “nisa, ħajja u libertà”.

Apparti hekk, ġewwa l-Iran stess komplew jissoktaw id-dimostrazzjonijiet li issa daħlu fis-sitt ġimgħa tagħhom, liema dimostrazzjonijiet bdew wara l-mewt ta’ mara li kienet sfat arrestata għax ma kinitx liebsa l-velu magħruf bħala ħiġab. Il-vittma, Mahsa Amini ta’ 22 sena, kienet sfat arrestata mill-pulizija tal-moralità ġewwa Tehran u mietet wara li kienet waqgħet f’koma. Id-dimostranti qed jgħidu li Amini ngħatat daqqiet ta’ bsatan f’rasha u anke ħabtet rasha mal-vettura tal-pulizija. Min-naħa l-oħra, il-pulizija qed jiċħdu dan u qalu li Amini mietet wara li sofret attakk tal-qalb għal għarrieda. 

Apparti Berlin, kien hemm numru ta’ bliet oħrajn fejn fihom saru dimostrazzjonijiet favur il-kawża Iranjana fosthom anke ġewwa Washington. Id-dimostranti qegħdin jitolbu biex il-Punent jagħmel iktar sanzjonijiet fuq il-Gwardja Revoluzzjonarja tal-Iran kif ukoll li jitneħħew d-diplomatiċi Iranjani mill-pajjiżi tal-Punent. 

Ġewwa l-Iran, l-awtoritajiet tal-pajjiż qatgħu l-aċċess tal-internet f’numru ta’ żoni, iżda għadd ta’ filmati xorta waħda qed ikomplu jitfaċċaw fuq il-midja soċjali. L-organizzazzjoni Human Rights Activists News Agency qiegħda tikkalkula li f’dawn id-dimostrazzjonijiet madwar 244 dimostranta – fosthom 32 tfal – tilfu ħajjithom kawża tal-azzjonijiet b’saħħithom li ħadu l-awtoritajiet tas-sigurtà. Apparti hekk hu kkalkulat li iktar minn 12,500 persuna sfaw arrestati – ħafna minnom żgħażagħ u anke tfal.

Ekonomija

Sport