Saturday, October 4, 2025

82 SENA TA’ GWU… L-GĦAŻLA NATURALI TAL-ĦADDIEMA 

Aqra wkoll

Għada, il-5 t’Ottubru, il-General Workers’ Union se tiċċelebra t-82 anniversarju mit-twelid tagħha. Anniversarju li matul il-milja tas-snin, bil-ħidma sfiqa tal-union, ra l-mixja ‘l quddiem tal-ħaddiema Maltin u lill-familji jtejbu ħajjithom soċjalment u ekonomikament. Għalhekk ħadd u xejn ma jista’ jiċħad, iwarrab jew jiskarta l-post ewlieni li l-GWU għandha fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.

Dan mhux aħna biss nistqarruh imma saħanistra kittieba awtorevoli li taw importanza assoluta lit-twaqqif ta’ din l-akbar organizzazzjoni tal-ħaddiema f’pajjiżna. Organizzazzjoni li twieldet biex toħroġ lill-klassi tax-xogħol mill-miżerja u l-faqar li kienet fih.

L-Avukat Herbert Ganado f’wieħed mill-volumi tiegħu “Rajt Malta Tinbidel”, kien stqarr b’mod ċar u bla tlaqlieq li l-akbar ġrajja li seħħet f’Malta waqt il-qilla tal-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija, fis-sena 1943, kien it-twelid tal-GWU. U kellu raġun bil-kbir Dr Ganado meta qal hekk.

Iż-żmien tah prova qawwija u b’saħħitha ta’ kemm il-GWU kienet u għadha strumentali u protagonista ewlenija mhux biss fl-evoluzzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema Maltin imma wkoll fl-edukazzjoni kontinwa u l-iżvilupp tal-personalità tagħhom.

Ma nistgħux ma nfakkrux lanqas li sa mis-snin bikrin tagħha, il-GWU ħadmet bis-sħiħ u bla heda sabiex issaltan l-ugwaljanza u biex f’pajjiżna ma ssir ebda diskriminazzjoni ma’ ħadd.

Il-GWU kienet minn tal-ewwel fil-pajjiż li tat pagi ndaqs lill-ħaddiema tagħha, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom. Prova dan ta’ kemm il-GWU ma tiddistingwixxix bejn impjegati rġiel u impjegati nisa. Prinċipju li saħansitra ssieltet għalih u wasslitu f’kull post tax-xogħol fejn hija għandha rappreżentanza. 

Il-GWU ma kinitx strumentali fil-qasam trejdunjonistiku biss imma anka kienet parti mit-tiswir tal-istorja politika ta’ pajjiżna, partikolarment bl-irvellijiet tal-1958 li bdew il-mixja tal-ħaddiem Malti lejn il-ħelsien. 

Il-GWU hija waħda mill-vuċijiet qawwija fid-djalogu soċjali f’pajjiżna mhux biss bl-attiviżmu tagħha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali imma wkoll bi proposti li minn żmien għal żmien tressaq biex il-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom tkompli tmur ’il quddiem u tijtieb fil-kwalità.

Għalhekk, il-GWU tibqa’ kompetenti, konsistenti u kredibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport