Tuesday, January 27, 2026

84 rekluta jagħżlu karriera fil-Forzi Armati ta’ Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri żar ir-rekluti tal-Forzi Armati ta’ Malta waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ li qegħdin jingħataw, imqassam fuq ħames xhur. 

Fl-2025, 73 rekluta temmew b’suċċess it-taħriġ tagħhom, li minnhom 10 kienu nisa. Numru li kompla jiżdied din is-sena hekk kif fir-reklutaġġ ta’ Jannar, 84 rekluta, fosthom 9 nisa, għażlu din il-karriera u bdew taħriġ intensiv biex jibdew iservu lill-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru Byron Camilleri kellu l-opportunità li jitkellem magħhom, jara mill-qrib it-taħriġ u d-dixxiplina li qed jiġu mgħallma, filwaqt li segwa d-diversi aspetti ta’ taħriġ li qed jingħataw ir-rekluti. It-taħriġ huwa bbażat fuq saħħa fiżika, użu tal-armi, drill ċerimonjali, għarfien militari, first aid, qari tal-mapep, użu tar-radju u taħriġ dwar kif suldat għandu jġib ruħu fuq il-post.

Il-Ministru Camilleri awguralhom li jtemmu dan it-taħriġ b’suċċess, li fi kliemu, huwa taħriġ li se jużaw matul ħajjithom kollha u ser jagħmilhom irġiel u nisa lesti biex ikunu ta’ servizz għal poplu Malti u Għawdxi. Stqarr li huwa sodisfatt li iżjed persuni qegħdin jagħżlu din il-karriera, anke għaliex illum qegħdin igawdu mill-aqwa ftehim kollettiv li qatt kellhom is-suldati – b’titjib fil-kundizzjonijiet u fid-drittijiet tagħhom. Tenna li l-Gvern ser jibqa’ spalla ma’ spalla magħhom biex ikollhom l-għodda biex jaħdmu, l-ispazju biex ikomplu jitħarrġu u l-aqwa kundizzjonijiet għalihom u għal familthom.

Il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Clinton O’Neill saħaq li t-taħriġ tar-rekluti huwa għodda importanti fejn l-individwu jinbidel minn bniedem pajżan għal suldat. Spjega kif it-taħriġ kompla jevolvi u dejjem qed iħejji aħjar lil dawn ir-rekluti biex jibdew il-karriera tagħhom imħarrġa.

Min-naħa tagħha, waħda mir-rekluti li qed tattendi t-taħriġ, Winonah Peplow qalet li daħlet fl-armata għaliex huwa xogħol sodisfaċenti li tagħti servizz lil pajjiżek, fl-istess ħin huwa xogħol li jnissel fik dixxiplina, kemm mentalment u fiżikament. Filwaqt li l-Kadet Christian Grech saħaq illi t-taħriġ huwa importanti ħafna għall-karriera li għandhom quddiemhom bħala rekluti, li ser jaħsdu l-frott tiegħu malli jibdew iservu fil-Forzi Armati ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport