L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li 68 fil-mija tal-Maltin huma kuntenti ħafna bis-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna bħalissa fl-istess waqt li 84% tal-familji jgħidu li jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja tajba. Huma 15% biss li stqarrew li jinsabu f’qagħda finanzjarja mhux daqstant tajba.
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea bejn l-10 ta’ Ottubru u t-3 ta Novembru 2024 u ġew intervistati 26,525 persuna li 500 minnhom kienu Maltin.
Ħafna drabi, il-Maltin urew sens ta’ sodisfazzjon fit-tweġibiet tagħhom tant li 64% qalu huma kuntenti bl-impjieg tagħhom, 25% m’humiex u 21% rrispondew li ma jafux.
Dwar kemm huma ottimisti għat-tnax-il xahar li ġejjin, il-Maltin huma fl-istess livell ta’ 33% bejn dawk li jaħsbu li se jkunu aħjar u dawk li jaħsbu li se jibqgħu fl-istess sitwazzjoni filwaqt li 28% wieġbu li ma jafux kif se jkunu fis-sena li ġejja.
Mistoqsijin dwar is-sitwazzjoni kurrenti u x’qed iħassibhom l-iktar, 43% tal-Maltin intervistati semmew l-inflazzjoni u l-għoli tal-prezzijiet, 31% semmew l-immigrazzjoni u 21% qalu t-tibdil fil-klima.
Dan b’kuntrast mal-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li bħala l-ikbar tħassib għalihom semmew il-gwerra fl-Ukrajna, l-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni internazzjonali, l-ambjent u t-tibdil fil-klima.