Ħames immigranti kienu kkundannati 84 xahar ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li kienu involuti f’rewwixta fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi. Żewġ immigranti oħra minorenni tressqu bl-istess akkużi imma ma nstabux ħatja.
Il-każ seħħ near it-18 ta’ Settembru 2020. Fil-Qorti ħareġ kif numru ta’ detenuti kienu fformaw toqba fil-ħajt ta’ wieħed mid-dormitorji fejn kienu qed jinżammu billi mbuttaw ‘il barra parti mill-ħajt taħt tieqa u bdew jaħarbu miċ-ċentru ta’ detenzjoni.
Din it-toqba fid-dormitorju nfetħet fuq passaġġ miftuħ li huwa faċilment aċċessibbli minn spazju miftuħ fuq ġewwa tal-kumpless. Dan il-passaġġ għandu wisa’ ta’ kważi erba’ metri u tul ta’ madwar 30 metru.
Numru ta’ uffiċjali stazzjonati fiċ-ċentru megħjuna mill-pulizija intervjenew biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni billi resqu lejn id-detenuti waqt li dawn ipprovaw joħorġu ‘l barra mid-dormitorju.
Mill-provi mressqa fil-Qorti rriżulta wkoll li wħud mid-detenuti bdew igaraw l-oġġetti inkluż ġebel tal-knaten li qalgħu. Barra minn hekk, xi detenuti kellhom biċċiet tal-ħadid f’idejhom u bdew ixejruhom jew jagħtu bihom. Id-detenuti ħarqu wkoll xi saqqijiet. F’din ir-rewwixta, weġġgħu wkoll xi uffiċjali tal-pulizija.
Il-Qorti sabet lil ħames immigranti ħatja, u kkundannat lil wieħed minnhom 30 xahar ħabs, ieħor 18-il xahar ħabs u multa ta’ €4,000, u t-tlieta l-oħra 12-il xahar ħabs kull wieħed.