Saturday, December 21, 2024

85 fil-mija tal-konsumaturi jemmnu li n-negozji jaħtu għaż-żieda fil-prezzijiet

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Xejn inqas minn 85 fil-mija tal-konsumaturi Maltin jemmnu li l-inflazzjoni f’Malta jaħtu għaliha d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-importaturi u minn negozji. Maġġoranza ta’ Maltin qegħdin jindikaw b’mod ċar li jekk il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali se jkomplu jogħlew fil-futur qrib, huma mhux se jkollhom triq oħra għajr li jnaqqsu ix-xejra tal-konsum tagħhom. Ma’ dawn hemm oħrajn li ddikjaraw li jekk il-prezzijiet se jkomplu jogħlew se jkollhom jitolbu żieda fil-paga. Il-maġġoranza tal-konsumaturi jemmnu ukoll li l-Gvern għandu jżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli.

Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar minn Dr Vincent Marmara fost 600 persuna, b’analiżi ekonomika minn Dr Joseph Muscat.

Mill-istħarriġ jirriżulta li fejn jirrigwarda l-inflazzjoni, il-familji kollha rrappurtaw żieda fl-għoli tal-ħajja, biż-żieda tkun bejn €20 u €50 fil-ġimgħa matul l-aħħar 6 xhur. L-istħarriġ jgħid li dan huwa saħansitra aktar konsiderevoli meta wieħed iqis il-fatt li n-nefqa medjana ta’ kull ġimgħa nbidlet għal kategorija ogħla, dik ta’ bejn €150 u €199 fil-ġimgħa. Kuntrarjament għar-riżultati tal-istħarriġ preċedenti, ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ qed juru li ż-żidiet fil-prezzijiet mhumiex żidiet ta’ darba għal prodotti essenzjali bħala effett ta’ inċertezza wara l-pandemija iżda pjuttost materjalizzazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet futuri li mistennija li jirriżultaw fi pressjonijiet inflazzjonarji.

Mill-istħarriġ joħroġ li l-popolazzjoni Maltija għadha tal-fehma li d-deċiżjonijiet minn negozji lokali u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali huma l-aktar u ugwalment responsabbli għall-inflazzjoni għolja li qed tippersisti f’Malta, b’maġġoranza kbira jemmnu li l-Gvern għandu jkompli jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, kuntrarjament għal appelli mill-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali biex gradwalment ineħħu dawn is-sussidji mill-ekonomija. Interessanti, persentaġġ għoli ta’ dawk li wieġbu jitolbu wkoll aktar trasparenza fil-prezz. Fost is-suggerimenti li jsemmi l-istudju hemm dak li sar mill-General Workers Union li jkun hemm servizzi online u fuq mobile li jipparagunaw prezzijiet.

Mill-istħarriġ joħroġ ukoll li ż-żidiet fir-rati tal-imgħax fis-self u flus likwidi se jkollhom effett negattiv nett fuq il-popolazzjoni ġenerali, speċifikament dawk ekonomikament attivi. Jirriżulta ukoll li l-użu ta’ tfaddil ta’ prekawzjoni minn perjodi preċedenti, flimkien mar-rieda li jinżamm l-livell tal-għajxien billi jew tintalab paga ogħla jew billi jiżdiedu ir-rati ta’ ħlas għas-servizzi, jippreżentaw tħassib li t-talbiet għal żieda fil-prezz tal-pagi se jkompli jippersisti. Dan mhux mistenni li jiġi kkumpensat permezz tal-produttività.

Mill-istħarriġ joħroġ li mill-valutazzjonijiet kontinwi relatati mal-COVID-19, kemm bil-kontroll tal-COVID-19 u r-ritorn għal normalità ta’ qabel il-pandemija, ix-xejriet tal-konsumaturi komplew jaqilbu lejn l-użu tax-xiri onlajn fis-servizzi varji kollha.

Ix-xejra ta’ xiri onlajn

Fl-aħħar sentejn kawża tal-pandemija tal-Covid19, bejjiegħa u negozji ta’ servizzi fil-catering kellhom jaġġustaw il-bejgħ tradizzjonali tagħhom biex isegwi miżuri legali li ttieħdu mill-gvernijiet fosthom l-għeluq ta’ ħwienet għal ċertu ammont ta’ żmien. Anki wara li l-miżuri bdew jillaxkaw bil-mod il-mod, il-konsum xorta baqa’ wieħed baxx. Dawn in-negozji kienu sfurzati li joperaw f’kapaċità baxxa u f’xi każi lanqas setgħu joperaw Dan wassal biex sidien ta’ negozji użaw għodod teknoloġiċi biex jipprovdi faċilitajiet onlajn għax-xiri.

Jirriżulta li r-rata għolja ta’ tilqim kontra l-Covid19 fost il-popolazzjoni Maltija u li fissret riskji inqas ta’ infezzjoni, uriet li l-konsumaturi anke waqt il-perjodu tat-tilqim baqgħu jippreferu jixtri onlajn milli jmorru personalment. Din ix-xejra ta’ xiri onlajn baqgħet konsistenti f’kull kategorija ta’ xiri. Mill-istħarriġ joħroġ li x-xiri ta’ ikel ‘take away’ żdied b’xejn inqas minn 40 fil-mija fuq il-livell li kien hemm qabel il-pandemija.

Mill-istħarriġ jirriżulta li f’Lulju tas-sena 2021 waqt li kien għaddej it-tilqim, il-bejgħ onlajn għal ħwejjeġ u żraben kien ta’ 12 fil-mija aktar mill-livell ta’ bejgħ onlajn qabel il-pandemija. Fi Frar tas-sena 2022, ix-xiri onlajn ta’ ħwejjeġ u żraben naqas bi 22.2 fil-mija iżda dan imbagħad tela’ għal 29.8 fil-mija aktar f’Settembru tas-sena 2022 meta komparat ma’ kemm kien qabel il-pandemija u għal 52 fil-mija aktar f’Mejju ta’ din is-sena meta mqabbel mal-livell ta’ xiri onlajn qabel il-pandemija.

Jekk nieħdu x-xiri onlajn ta’ ‘groceries’ u prodotti oħra neċessarji naraw li f’Lulju tas-sena 2021 waqt it-tilqim kien 58.9 fil-mija aktar minn kemm kien qabel il-pandemija. F’Lulju tas-sena 2021 wara t’tilqim, niżel għal 26.8 fil-mija. Fi Frar tas-sena 2022, ix-xiri onlajn kien 8 fil-mija aktar minn kemm kien qabel il-pandemija, waqt li f’Settembru tas-sena 2022 il-persentaġġ tax-xiri onlajn kien 38.5 fil-mija aktar minn kem kien qabel il-pandemija. F’Mejju ta’ din is-sena, ix-xiri onlajn ta’ ‘groceries’ kien ta’ 29.8 fil-mija aktar mil-livell ta’ qabel il-pandemija.

Fir-rigward ta’ ikel ‘take away’, mill-istħarriġ joħroġ li f’Lulju tas-sena 2021 dan kien 30.9 fil-mija aktar mil-livell ta’ qabel il-pandemija. Fi Frar tas-sena 2022, ix-xiri onlajn ta’ ikel ‘take away’ kien ta’ 9.7 fil-mija aktar minn kemm kien qabel faqqgħet il-pandemija, f’Settembru tas-sena 2022 żdied għal 28.6 fil-mija, waqt li f’Mejju ta’ din is-sena ix-xiri onlajn ta’ ikel ‘take away’ kien ta’ 40 fil-mija aktar mil-livell ta’ qabel il-pandemija.
L-istħarriġ jitratta ukoll xejra oħra dik ta’ Siri onlajn ta’ għamajjar u prodotti simili, fejn anki hawn hemm żieda ta’ 5 fil-mija fix-xiri onlajn metą komparat mal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Tnaqqis fil-konsum

Dwar il-konsum, dawk li wieġbu l-istħarriġ ġew mistoqsijin dwar ix-xejra tal-konsum tagħhom ta’ ċertu servizzi u jekk dawn inbidlux. L-istħarriġ iqabbel ix-xejriet fil-konsum ta’ ċertu servizzi qabel il-Covid 19, u kif kien fi Frar 2022, f’Settembru 2022 u f’Mejju 2023. L-istħarriġ juri li l-konsum ta’ servizzi hu inqas minn kemm kien qabel il-Covid19.

Filfatt jekk nieħdu ir-ristoranti naraw li meta wieħed iqabbel ix-xejra ta’ kemm il-konsumaturi kienu jmorru f’ristoranti fi Frar tas-sena 2022 u jqabbilha mal-livell ta’ qabel il-Covid19, ibis tnaqqis ta’ ftit aktar minn 40 fil-mija. F’Settembru 2022 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 14 fil-mija u f’Mejju ta’ din is-sena tnaqqis ta’ madwar 17 fil-mija.

Jekk nieħdu l-kafeteriji naraw fi Frar tas-sena 2022 kien hemm tnaqqis ta’ kważi 58 fil-mija metą mqabbel mal-livell ta’ qabel il-pandemija. F’Settembru tas-sena li għaddiet it-tnaqqis kien ta’ 9 fil-mija u f’Mejju ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis ta’ 7 fil-mija.

Fejn jidħlu ħwejjeġ u żraben, naraw li fi Frar tas-sena kien hemm tnaqqis ta’ kważi 60 fil-mija, f’Settembru tas-sena 2022 tnaqqis ta 8 fil-mija u f’Mejju tas-sena 2023 it-tnaqqis żdied għal 23 fil-mija.

Dwar ‘hotel breaks’ f’Malta u Għawdex naqraw li fi Frar tas-sena 2022 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 40 fil-mija, f’Settembru tas-sena 2022 kien hemm żieda ta’ kważi 9 fil-mija waqt li f’Mejju tas-sena 2023 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 28 fil-mija.

Fir-rigward ta’ vaganzi f’’farmhouses’ naqraw li fi Frar tas-sena 2022 naqsu b’madwar 34 fil-mija metą mqabblin ma’ kemm kienu qabel il-pandemija, waqt li f’Settembru tas-sena 2022 kien hemm tnaqqis ta’ madwar 23 fil-mija. F’Mejju ta’ din is-sena, it-tnaqqis kien ta’ madwar 5 fil-mija.

L-istħarriġ jitratta ukoll il-vaganzi barra minn Malta u jirriżulta li fi Frar tas-sena 2022, dawn naqsu b’madwar 63 fil-mija metą mqabblin ma’ kemm kienu qabel il-pandemija. F’Settembru tas-sena 2022, il-vaganzi barra pajjiżna kien madwar 30 fil-mija inqas minn kemm kienu qabel il-pandemija, waqt li f’Mejju ta’ din is-sena it-tnaqqis kien ta’ 11 fil-mija.

Minn analiżi tal-istħarriġ, jekk wieħed jara l-effett fuq l-‘aggregate consumption’ u fuq il-ġid nazzjonali isib li f’Ġunju tas-sena 2021 l-‘aggregate consumption’ (id-dħul disponnibbli u l-infieq tal-konsumaturi) naqas b’10.4 fil-mija, fi Frar tas-sena 2022 naqas b’19.2 fil-mija u f’Novembru tas-sena li għaddiet kien naqas b’6.8 fil-mija. Dan dejjem metą mqabblin ma’ qabel faqqgħet il-pandemija. F’Mejju ta’ din is-sena, l-‘aggregate consumption’ reġa’ iddeterjora u tnaqqis żdied għal 7.1 fil-mija.

L-effett fuq il-Prodott Gross Domestiku kien ta’ tnaqqis ta’ 3.4 fil-mija f’Ġunju tas-sena 2021, tnaqqis ta’ 6.3 fil-mija fi Frar tas-sena 2022, tnaqqis ta’ 2.2 f’Novembru tas-sena li għaddiet u tnaqqis ta’ 2.3 fil-mija f’Mejju ta’ din is-sena.

Inflazzjoni

L-istħarriġ tratta ukoll l-inflazzjoni. L-istħarriġ jgħid li bħala medja l-familji Maltin jonfqu madwar €172 fil-ġimgħa fi ‘groceries’ u bżonnijiet oħra ta’ kuljum. Dan ifisser żieda ta’ 14.6 fil-mija fuq l-istħarriġ li kien sar f’Novembru tas-sena li għaddiet.

L-istħarriġ jgħid li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li wieġbu isostnu li n-nefqa tagħhom ta’ kull ġimgħa żdiedet meta mqabbla ma’ dik ta’ sitt xhur ilu. Jirriżulta li ż-żieda medja rreġistrata baqgħet fil-livell ta’ bejn €20-€50.

Minkejja dan, il-konsumaturi ma jidhirx li jħossu li l-prezzijiet “għolew ħafna” b’4.9% biss jiddikjaraw li jemmnu li meta mqabbla ma’ sitt xhur ilu, il-prezzijiet għolew ħafna. Meta wieħed iqis li mill-istħarriġ ta’ Novembru tas-sena 2022, 25 fil-mija ta’ dawk li wieġbu raw li l-infiq tagħhom “żdied ħafna” meta mqabbel max-xhur ta’ qabel. Dan jammonta. għal żieda medja ta’ €52 fil-ġimgħa, jew żieda ta’ 75 fil-mija fin-nefqa medja ta’ kull ġimgħa mis-sitt xhur ta’ qabel.

L-istħarriġ jgħid li l-istħarriġ preċedenti kienu jissuġġerixxu livell għoli ta’ inċertezza fil-firxa taż-żidiet fil-prezzijiet għax-xhur li ġejjin b’maġġoranza ta’ 55 fil-mija kienu sostnew li “ma jafux”.

Madankollu, ir-riżultati mill-istħarriġ ta’ Ġunju 2023 juru tnaqqis ta’ wieħed minn ħamsa fil-perċentwal ta’ dawk li wieġbu li mhumiex ċerti miż-żidiet fil-prezz, bil-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jiddikjaraw li qed jaqilbu għall-kategorija ta’ €20 – €50 fil-ġimgħa ta’ żieda fl-infiq. Huwa ċar li l-qagħda ekonomika m’għadhiex tistrieħ fuq żieda ta’ darba fil-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali bl-effett ta’ wara l-pandemija, iżda pjuttost materjalizzazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet futuri li mistennija jirriżultaw fi pressjonijiet inflazzjonarji. Kienu 1.2 fil-mija biss li irrappurtaw li qed jistennew li l-prezzijiet ikomplu jiżdiedu meta mqabbla ma’ 27.8 fil-mija ta’ dawk li wieġbu fl-istudju ta’ Novembru 2022.

L-aspettattivi tal-imġieba tal-konsumaturi

Dwar l-aspettattivi tal-imġieba tal-konsumaturi waqt mewġa ta’ inflazzjoni, narra li f’Novembru tas-sena 2022, 30 fil-mija qalu li jnaqqsu l-konsum ta’ prodotti essenzjali, waqt li f’Ġunju ta’ din is-sena dan il-persentaġġ tela’ għal 58 fil-mija. Kien hemm imbagħad 60 fil-mija li f’Novembru tas-sena 2022 qalu li jnaqqsu l-konsum ta’ affarijiet ta’ lussu. F’Ġunju ta’ din is-sena kienu 71 fil-mija li qalu li jnaqqsu oġġetti ta’ lussu.

F’Novembru tas-sena 2022, kien hemm 40 fil-mija li qalu li kienu se jipposponu x-xiri ta’ oġġetti għaljin bħal karozzi jew apparat domestiku, fejn imbagħad f’Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 48 fil-mija li qalu li se jipposponu xiri ta’ oġġetti essenzjali.

Kien hemm 48 fil-mija li f’Novembru tas-sena 2022 qalu li se jużaw parti minn dak li kienu faddlu, fejn f’Ġunju ta’ din is-sena dan il-persentaġġ tela’ għal 75 fil-mija.

F’Novembru 2022 kien hemm 36 fil-mija li qalu li se jaħdmu aktar biex ikollhom aktar flus, u dan tela’ għal kważi 50 fil-mija f’Ġunju ta’ din is-sena.

F’Novembru tas-sena 2022 kien hemm 22 fil-mija li qalu li se jitolbu żieda fil-paga jew li se jgħollu l-prezz tas-servizzi tagħhom fejn imbagħad dan il-persentaġġ tela’ għal kważi 40 fil-mija f’Ġunju ta’ din is-sena.

Ta’ min hu t-tort għall-inflazzjoni f’Malta

Mill-istħarriġ joħroġ b’mod ċar li l-konsumaturi Maltin jemmnu li s-sitwazzjoni internazzjonali u d-deċiżjonijiet dwar prezzijiet mill-importaturi lokali u tal-ħwienet huma il-kawża prinċipali tal-inflazkjoni f’Malta. Filfatt huma 84.7 fil-mija li jemmnu li n-negozji huma dawk l-aktar responsabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet f’Malta. Hemm imbagħad 84.1 fil-mija li jemmnu li ċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali wasslu għaż-żieda fil-prezzijiet. Hemm żieda żgħira f’dawk li jemmnu li ż-żieda fil-prezzijiet seħħet minħabba deċiżjonijiet ħżiena tal-gvern. Filfatt waqt li f’Novembru tas-sena li għaddiet kien hemm 40 fil-mija li kienu jemmnu li l-prezzijiet żdiedu minħabba deċiżjonijiet ħżiena tal-gvern, f’Ġunju ta’ din is-sena dawn telgħu għal madwar 51 fil-mija.

L-irwol tal-Gvern

Il-konsumaturi ġew mistoqsijin dwar l-irwol li għandu jieħu l-gvern biex jiġġieled l-inflazzjoni. Waqt li f’Novembru tas-sena 2022 kien hemm kważi 90 fil-mija li qalu li l-Gvern għandu jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli, dawn telgħu għal 94 fil-mija fl-istħarriġ li sar f’Ġunju ta’ din is-sena.

78 fil-mija f’Novembru tas-sena 2022 kienu qalu li għandhom jingħataw żidiet lil dawk bi dħul baxx. F’Ġunju ta’ din is-sena kien kważi 90 fil-mija li qalu li għandhom jingħataw żidiet lil dawk bi dħul baxx.

Waqt li f’Novembru tas-sena 2022 kien hemm 72 fil-mija li qalu li kellu jkun hemm mekkaniżmu li permezz tiegħu l-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet bejn ħwienet differenti, dan il-persentaġġ tela’ għal madwar 85 fil-mija fl-istħarriġ ta’ Ġunju ta’ din is-sena.

Ekonomija

1 kumment

  1. Veru mijja fil mijja li l prezzijiet huma l businessmen li qed jghollu l prezzijiet. F’Iklin borza qaq tal hmira minn 2 Ewros saret 2 Ewros 25 cents.

Comments are closed.

Sport