Wednesday, February 19, 2025

85 proġett ġdid fil-komunità permezz ta’ kważi miljun ewro f’fondi

Aqra wkoll

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) reġa’ qassam €982,773 f’fondi lill-għaqdiet volontarji sabiex jitwettqu 85 proġett ġdid. Dan wara proċess miftuħ għall-għaqdiet irreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u li huma eliġibbli għall-iskemi, tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u s-Small Initiatives Scheme (SIS). Sa mit-twaqqif ta’ dawn l-iskemi ġew implimentati aktar minn 850 proġett b’fondi totali ta’ €8.6 miljun.

F’messaġġ li għaddiet waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat il-legat li qed iħallu l-għaqdiet volontarji permezz ta’ dawn il-proġetti.  “Dan il-gvern se jkompli jkun ta’ spalla għas-settur tal-volontarjat, għax nemmnu bis-sħiħ li l-għaqdiet volontarji huma s-sinsla ta’ komunitajiet aktar b’saħħithom u inklussivi. Il-proġetti li qed jiġu ffinanzjati permezz ta’ dawn l-iskemi mhux biss jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies, iżda joħolqu opportunitajiet u soluzzjonijiet innovattivi li jkomplu jarrikkixxu s-soċjetà tagħna. L-appoġġ tagħna mhux biss limitat għall-investiment finanzjarju, imma wkoll f’għodod oħra li jsaħħu l-kapaċità tal-għaqdiet biex ikomplu jservu aħjar lil dawk li għandhom bżonn.”

​Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-MCVS Gertrude Buttigieg qalet li, “Din iċ-ċerimonja għal ħafna għaqdiet hija t-tmiem b’suċċess ta’ proċess fejn inħolqot l-idea tal-proġett, inkiteb fl-applikazzjoni u ġie sottomess. Biss, issa hija wkoll il-bidu tal-proġett innifsu bil-fondi li qed jingħataw illum, u dan hu ta’ sodisfazzjon għall-Kunsill għax b’hekk l-għaqdiet qegħdin dejjem jissaħħu u permezz tagħhom tissaħħaħ is-soċjetà tagħna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo qal li: “Dawn il-fondi issa huma stabbiliti sew fil-kalendarju tas-settur u dan ikompli jixhed il-fatt li l-ħidma tal-kunsill qed tħalli impatt pożittiv kemm mal-għaqdiet u anki fis-soċjetà”.


Il-proġetti li għalihom ġew ippremjati l-għaqdiet volontarji jvarjaw minn setturi bħas-saħħa, mużika, sport, edukazzjoni, ambjent, kultura u d-drittijiet ċivili.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport