Saturday, November 23, 2024

85 seduta u tressqu 100 xhud fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne … Il-bord jitlob estensjoni oħra

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tliet imħallfin li qed jiimgħu l-inkjesta b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia talbu li jingħataw aktar żmien biex ilestuha. 

Hekk kif illum il-15 ta’ Diċembru 2020 tagħlaq it- tieni data li l-Gvern ta biex titlesta l-Imħallef Emeritus Michael Mallia, li qed imexxiha mal-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro, irrimarka li s’issa saru 85 seduta u tressqu 100 xhud. 

Hu sostna li kien hemm xahrejn li l-bord ma setax jiltaqa’ għal raġunijiet li kulħadd jafhom (Covid-19) u li jemmnu kif inkjesta bħal din m’għandhiex tkun marbuta bi żmien partikolari li tista’ ittellef milli jwettqu xogħolhom sew. 

L-Imħallef Mallia semma kif il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà nfurmahom li jista’ jkun hemm ‘data’ miġbura mill-Europol u l-Pulizija Maltija li tista’ tkun ta’ interess għall-inkjesta u peress li din għandha tkun disponibbli sa nofs Jannar għalhekk is-smigħ tax-xhieda kellha tiġi sospiża sakemm jitressqu l-provi. 

Huwa żied li peress li ngħata x’jifhem li l-inkjesta qed tiswa ħafna flus lill-pajjiż huwa u l-Imħallef Said Pullicino kienu lesti jirrinunzjaw għall-onorarja kienu qed jieħdu. 

Fi tmiem is-seduta l-Avukat Therese Comodini Cachia, li qed tidher għall-familja Caruana Galizia mal-Avukat Jason Azzopardi, infurmathom li huma xtaqu jagħmlu s-sottomissjonijiet bil-miktub qabel il-bord jiddeċiedi r-rapport finali. 

L-Avukat tal-Istat Chris Soler oġġezzjona għal dan u sostna li ma kienx hemm għalfejn waqt li lmenta wkoll li l-uffiċċju tiegħu ma tħalliex jagħmel mistoqsijiet. 

Il-bord iddeċieda li jilqa’ t-talba tal-avukati tal-familja Caruana Galizia u aġġorna s-seduta għad-29 ta’ Jannar biex jara xi żvilupp jista’ jkun hemm fuq l-informazzjoni li għad tista’ titressaq quddiemhom. 

Kien l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat li ħatar din l-inkjesta u dak attwali, Robert Abela, kien laqa’ t-talba li din tiġi estiża sal-15 ta’ Diċembru 2020. 

Sport