Thursday, September 25, 2025

8,574 edukatur u 34,779 student jibdew is-sena skolastika 2025/26

Aqra wkoll

Filwaqt li nhar it-Tnejn, 22 ta’ Settembru daħlu fuq il-post tax-xogħol tagħhom 8,574 edukatur fl-iskejjel tal-Istat, ilbieraħ daħlu wkoll biex jibdew sena skolastika ġdida 28,873 student mifruxa mill-ewwel sena tal-primarja sal-ħdax-il sena tas-sekondarja. 5,906 student fil-livell ta’ kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom mid-29 ta’ Settembru. B’hekk, meta l-istudenti kollha jkunu daħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola, ikunu daħlu total ta’ 34,779 studenti fl-iskejjel tal-Istat.

Dawn l-istudenti u l-edukaturi jingħaqdu mas-17,238 student fl-Iskejjel tal-Knisja u mad-9,206 studenti fl-iskejjel Indipendenti – b’total ta’ 61,223 studenti fl-iskejjel kollha tal-pajjiż, sal-livell sekondarju. Apparti t-8,574 edukatur fl-iskejjel tal-Istat, daħlu wkoll madwar 2,913-il edukatur fl-iskejjel tal-Knisja u 1,497 edukatur fl-iskejjel Indipendenti, b’total ta’ 12,984 edukatur fl-iskejjel imxerrda ma’ Malta u Għawdex sal-livell sekondarju.

“Eżatt ma’ tmiem is-sena skolastika li għaddiet bdiet ħidma intensiva biex nippreparaw għas-sena skolastika li issa ninsabu fiha. Ħidma li wasslet biex niżguraw li dak kollu meħtieġ, kemm jekk akkademiku, kemm jekk xogħol infrastrutturali kif ukoll xogħol amministrattiv, iwassal għall-ftuħ ta’ sena oħra akkademika b’dak kollu meħtieġ kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-istudenti,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.

Dalgħodu l-Ministru Grima kien qiegħed idur diversi skejjel fi-tieni jum tal-iskola biex jawgura sena skolastika mill-aqwa lill-istudenti, wara li nhar it-Tnejn għamel dan mal-edukaturi.

“Nilqagħkom għal sena skolastika ġdida li matulha mhux biss se tiltaqgħu ma’ sħabkom kif ukoll mal-edukaturi tagħkom imma fuq kollox għal sena li fiha se tieħdu gost titgħallmu u tkomplu l-perkors tal-ħajja tagħkom li jassigura li tilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħkom. Mill-qalb nawguralkom sena mill-aqwa,” qal il-Ministru Grima mhux biss lill-istudenti li ltaqa’ magħhom, imma lil kull student u studenta fis-sistema edukattiva tal-pajjiż.

Is-sena skolastika ġdida se tibda wara sajf sħiħ ta’ preparamenti li jvarjaw minn dawk amministrattivi u akkademiċi sa proġetti infrastrutturali u diġitali. Fost dawn hemm it-tqassim tal-laptops lill-istudenti ta’ Sena 7. Għal din is-sena skolastika fl-iskejjel tal-Istat ġew impjegati 245 professjonist ġdid.

Matul is-sajf kien hemm investiment ta’ madwar nofs miljun f’160 proġett ta’ manutenzjoni mal-iskejjel madwar il-pajjiż, li sar mill-ħaddiema tal-Ministeru. Sar ukoll numru sostanzjali ta’ xogħol taħt l-EDU Infrastructure Programme fosthom ir-rinovar totali tal-iskejjel primarji Adrian Borg u Oliver Friggieri li qed jilqgħu l-istudenti u edukaturi ta’ Birkirkara, li qed tkun rinovata kompletament, filwaqt li sar xogħol ieħor fl-iskejjel ta’ Mrieħel, Gżira, San Ġwann u l-ALP.

Il-Ministru Clifton Grima spjega li kien hemm eżerċizzju kbir biex ikun żgurat li l-klassijiet fis-snin kollha tal-iskejjel tal-Istat ikollhom l-edukatur tagħhom fis-suġġetti kollha, filwaqt li xogħol massiv ieħor kien jikkonċentra fuq l-ambjent edukattiv li fih se jqattgħu x-xhur li ġejjin l-edukaturi u l-istudenti. “Dan ma kienx biss xogħol infrastrutturali, imma wkoll xogħol fis-settur diġitali u teknoloġiku biex dejjem inkomplu ntejbu l-esperjenza edukattiva.”

“Mill-ġdid nawgura mhux biss lill-edukaturi u lill-ħaddiema amministrattivi fl-iskejjel kollha, filwaqt li nirringrazzjahom tal-impenn u tad-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid ta’ wliedna, imma wkoll nawgura lill-istudenti kollha li qed jibdew sena skolastika oħra li fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tagħtihom l-opportunitajiet kollha possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet individwali ta’ kull wieħed u waħda minnhom,” sostna l-Ministru Grima.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport