Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-għadd kollu ta’ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva laħaq it-857,857, filwaqt li l-għadd kollu tal-iljieli mqattgħin kien taʼ 3,613,049.
Statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fit-tieni kwart tal-2026, il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-iljieli kienu mqattgħin f’lukandi ta’ erba’ stilel, bi 48.2 fil-mija tal-għadd sħiħ.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2025, it-tul medju ta’ dawn iż-żjajjar fl-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva niżel għal 4.2 iljieli. L-użu nett ta’ sodod kien ta’ 71.3 fil-mija, tnaqqis ta’ 0.3 punti perċentwali meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2025.
F’Ġunju li għadda, f’pajjiżna kien hawn 368 stabbiliment ta’ akkomodazzjoni kollettiva attiv li bejniethom kellhom 24,355 kamra tas-sodda u 56,329 sodda.
Analiżi tar-reġjuni
Fit-tieni kwart tal-2026, l-għadd sħiħ taʼ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbiliment taʼ akkomodazzjoni kollettiva fʼMalta kien taʼ 815,688, li huwa żieda taʼ 12.7 fil-mija fuq l-istess perjodu tal-2025. Kien hemm ukoll żieda taʼ 8.9 fil-mija fl-għadd taʼ ljieli mqattgħin sabiex dawn laħqu t-3,498,261. FʼGħawdex u Kemmuna, il-persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbiliment taʼ akkomodazzjoni kollettiva żdiedu bi 12.6 fil-mija sabiex laħqu t-42,169, filwaqt li l-iljieli li għamlu żdiedu bi 13.5 fil-mija sabiex laħqu l-114,788.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2025, it-tul medju taż-żjajjar fʼMalta naqas bi ftit għall-4.3 iljieli. FʼGħawdex u Kemmuna it-tul medju taż-żjajjar baqaʼ bħalma kien is-sena l-oħra, li huwa 2.7 iljieli. FʼMalta, l-użu nett taʼ sodod naqas bʼ0.2 punti perċentwali għall-72.5 fil-mija, filwaqt li dak fʼGħawdex u Kemmuna naqas bʼ1.7 punti perċentwali għall-47.8 fil-mija.
