Disgħa u tmenin fil-mija (89%) tal-Maltin huma kuntenti jew sodisfatti ħafna bil-ħajja li qed jgħixu llum. Din il-perċezzjoni ta’ Maltin sodisfatti hija kemmxejn ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 86%. Dawn il-fatti rriżultaw minn stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar bejn l-10 u t-30 ta’ Ottubru li għadda u li fih kienu ntervistati 500 persuna ta’ 15-il sena jew aktar residenti Malta..
L-istudju li sar madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, stħarreġ il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej dwar is-sitwazzjoni personali tagħhom. Fil-każ ta’ pajjiżna, l-istudju li ġie ppubblikat mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, wera attitudnijiet pożittiva ħafna.
Ir-rapport ikopri għadd ta’ suġġetti, fosthom il-perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjonijiet personali; Malta u s-sitwazzjoni ekonomika tagħha u l-Unjoni Ewropea; il-fiduċja fl-istituzzjonijiet; il-midja u s-sorsi tal-aħbarijiet.
Matul dan il-perjodu, il-klima ekonomika f’Malta baqgħet influwenza ewlenija, u l-kwistjonijiet notevoli bħall-inflazzjoni, l-immigrazzjoni, u l-isfidi ambjentali sawru l-opinjoni pubblika. Barra minn hekk, l-iżviluppi ġeopolitiċi sinifikanti, fosthom il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna u t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani, għenu biex jissawru l-perċezzjonijiet tal-parteċipanti.
Il-perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjoni personali
Meta ntalbu jagħżlu l-aktar żewġ kwistjonijiet personali importanti li qed jiffaċċjaw bħalissa, 53% tar-rispondenti Maltin enfasizzaw li kienu l-aktar imħassba dwar iż-żieda fil-prezzijiet, l-inflazzjoni, u l-għoli tal-ħajja. Warajhom kien hemm l-ambjent u t-tibdil fil-klima, li ssemmew minn 24% tar-rispondenti.
Malta u s-sitwazzjoni ekonomika tagħha
Il-fehmiet tar-rispondenti dwar il-kwistjonijiet ewlenin li qed tiffaċċja Malta bħalissa jaqblu mat-tħassib personali tagħhom. Skont 43% tar-rispondenti, l-aktar kwistjoni importanti hija ż-żieda fil-prezzijiet/l-inflazzjoni/l-għoli tal-ħajja, filwaqt li l-immigrazzjoni ssemmiet minn 31% tar-rispondenti.
B’mod partikolari, il-ġenerazzjonijiet iżgħar bħall-Ġnerazzjoni Z huma aktar imħassba dwar l-immigrazzjoni, meta mqabbla ma’ gruppi akbar fl-età, iżda huma inqas imħassba dwar l-inflazzjoni.
Minkejja dan it-tħassib, 54% tar-rispondenti f’Malta qalu li kienu sodisfatti bil-funzjonament tad-demokrazija f’pajjiżna, u dan jirrifletti żieda fis-sodisfazzjon mill-aħħar stħarriġ li sar. Barra minn hekk, ir-rabta ma’ Malta għadha għolja, b’89% tar-rispondenti jistqarru li jħossuhom marbutin ma’ pajjiżhom.
Il-perċezzjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea
Dan l-istħarriġ tal-Ewrobarometru reġa’ afferma l-perċezzjonijiet pożittivi li r-rispondenti f’Malta għandhom dwar l-Unjoni Ewropea. Meta ġew mistoqsija x’jaħsbu dwar l-UE, 40% kellhom opinjoni pożittiva ħafna jew pjuttost pożittiva, filwaqt li 10% esprimew opinjoni pjuttost negattiva jew negattiva ħafna. Il-maġġoranza, jiġifieri 48%, kellhom opinjoni newtrali. Il-fiduċja fl-UE għadha ogħla f’Malta meta mqabbla mal-medja Ewropea.
L-ottimiżmu dwar l-UE huwa rifless fil-fehmiet dwar l-impatt tagħha fuq Malta. Perċentwal impressjonanti ta’ 91% tar-rispondenti jemmnu li bis-saħħa tas-sħubija fl-UE, Malta gawdiet ekonomikament, soċjalment u kulturalment.
L-iżgurar tal-paċi u tal-istabbiltà, is-sigurta tal-provvisti essenzjali, u l-iżvilupp tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli tqiesu bħala l-azzjonijiet tal-UE li l-aktar iħallu impatt pożittiv sinifikanti fl-immedjat.
Il-fiduċja fl-istituzzjonijiet
Il-fiduċja fl-istituzzjonijiet għadha għolja f’Malta, filwaqt li l-istituzzjonijiet Ewropej igawdu minn fiduċja akbar milli jgawdu l-istituzzjonijiet nazzjonali.
Il-midja u s-sorsi tal-aħbarijiet
Il-midja f’Malta tippreżenta stampa mħallta. Minn dawn ir-rispondenti, 54% biss jemmnu li l-midja f’Malta tipprovdi informazzjoni korretta u affidabbli. Fl-UE il-medja hija ta’ 69%.
Il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE
Ir-rispondenti Maltin għadhom iħarsu lejn is-sħubija fl-UE minn lenti pożittiva. Il-maġġoranza jemmnu li bis-saħħa tas-sħubija fl-UE, Malta qed tgawdi minn ħafna benefiċċji. L-appoġġ għall-munita euro, huwa partikolarment b’saħħtu, u ħafna mir-rispondenti jafu x’impatt pożittiv għandha fuq l-ekonomija ta’ Malta.
Dan ir-rapport jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-attitudnijiet u l-perċezzjonijiet tal-popolazzjoni Maltija dwar il-kwistjonijiet ewlenin, li turi l-interazzjoni bejn id-dinamika personali, nazzjonali u Ewropea matul il-Ħarifa tal-2024.