Wednesday, July 24, 2024

9 jiggradwaw mill-programm kontra d-droga

Aqra wkoll

Iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ta’ 9 residenti li lestew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, organizzata minn Caritas Malta u li saret il-Ħamis filgħaxija fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ. It-tema taċ-ċerimonja ta’ din is-sena kienet ‘Sfidi u Suċċess’, b’referenza għall-ħidma ta’ Caritas fost is-soċjetà Maltija tul dawn l-aħħar 35 sena.

L-Isqof Awżilarju Joseph Galea-Curmi beda l-messaġġ tiegħu billi rringrazzja lill-istaff kollu kif ukoll il-voluntiera tal-Caritas tal-ħidma tagħhom f’isem il-Knisja f’Malta. Huwa qal li “fil-Caritas naraw il-kliem li qal Ġesù meta semma l-iktar ħaġa essenzjali: ‘Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi’ (Mt 25:40).”

L-Isqof semma tliet punti mill-appell li għamel din il-ġimgħa l-Papa Franġisku fil-Jum Dinji Kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga.

L-ewwel punt hu kelma ta’ inkoraġġiment biex dawk kollha li qed jagħmlu ħilithom biex joħorġu mill-vizzju tad-droga ma jaqtgħu qatt qalbhom. “Importanti li aħna nagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna, ta’ dawk li huma vittmi tad-droga, u għalhekk li fina jsibu min jismagħhom, min jifhimhom, min iħobbhom u min jgħinhom fit-triq tal-fejqan.”

It-tieni punt hu dwar l-importanza “li nagħrfu l-ħsara, ir-rovina, li tagħmel id-droga fis-soċjetà għax timmina l-valuri u ġġib fix-xejn dak li lkoll nippruvaw nibnu.”

It-tielet punt tal-Papa li għamel referenza għalih l-Isqof Awżilarju hu li “hu żball li nimmaġinaw li se tonqos id-dipendenza fuq id-droga billi tilliberalizza l-konsum. Meta nagħmlu differenza bejn id-droga bejn droga li tagħmel ħsara u droga li ma tagħmilx ħsara, droga li toqtol u droga li tirrikrejak, inkunu qed nagħmlu ħsara, għax inkunu qed nagħtu messaġġ kontradittorju lit-tfal, lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ.”

L-Isqof Joseph Galea-Curmi sellem lil Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali tad-Djakonija li jwassal il-qalb tal-Knisja f’tant ambjenti li l-Knisja f’Malta hi qaddejja tagħhom; u rringrazzja b’mod partikolari lil Mons. Victor Grech, il-fundatur ta’ Caritas.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll għadd ta’ persuni li qed jingħataw servizz minn Caritas Malta, fosthom dawk f’Dar Charles Miceli u żgħażagħ residenti fiċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti ‘Tal-Ibwar’.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport