Wednesday, January 28, 2026

90 minuta quddiem imħallef biex tipprova l-innoċenza

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Box Office

It-thriller tal-fantaxjenza “Mercy” li fih jidher Chris Pratt temm ir-renju ta’ ħames ġimgħat ta’ “Avatar: Fire and Ash”.  Għalkemm id-dħul ta’ ftit aktar min $11-il miljun  mhux xi wieħed li għandu jimpressjonak għall-box office Amerikana, trid tqis kollox.  Bħalissa, partijiet kbar ta’ l-Istati Uniti għaddejjin minn maltemp kbir li ma tajtx iħajrek toħroġ mid-dar.

“Mercy” ma tistax tgħid li mar tajjeb fis-swieq internazzjonali.  Iddebutta f’80 pajjiż u d-dħul b’kollox kien ta’ $11.6 miljun.  

Għall-kumpanija Amazon MGM, “Mercy” hu l-ewwel film maħruġ fuq skala kbira.  L-istess kumpanija mistennija jkollha aktar films fuq skala kbira, fosthom “Project Hail Mary” b’Ryan Gosling u “Masters of the Universe”.

“Avatar 3” niżel fit-tieni post tal-box office Amerikana.  Globalment issa laħaq iċ-ċifra ta’ $1.4 biljun.  Jidher li mhux ser ikollu l-istess suċċess finanzjarju bħat-tnejn ta’ qablu.

Il-film animat tad-Disney, “Zootropolis 2” żamm it-tielet pożizzjoni.  Dan hu l-film animat bl-akbar suċċess fl-istorja b’dħul globali ta’ $1.7 biljun.

Mercy

Bħalissa kulħadd qed jitkellem dwar kif l-intelliġenza artifiċjali – l-AI – tista’ tkun parti sew mill-futur li rridu ngħixu.  Immaġinaw li tgħaddi ġuri quddiem imħallef li hu maħluq bl-AI.

Fit-thriller tal-fantaxjenza “Mercy”, id-detektiv Raymond (Chris Pratt) jiġi akkuzat li qatel lill-martu u jrid jipprova l-innoċenza tiegħu f’90 minuta fil-qorti ta’ Los Angeles quddiem l-imħallef AI Maddox (Rebecca Ferguson).

Il-kunċett li jżewweġ is-suġġett ta’ ġustizzja mal-AI waqt ġuri joħloq kurżita minnu nnifsu, imma il-film seta’ kien aktar effettiv li kieku kien hemm aktar attenzjoni għad-djalogar u direzzjoni aħjar minn Timur Bekmambetov.

“Mercy” hu kklassifikat 12A minħabba xeni ta’ vjolenza moderata, theddid, dettall ta’ korriment, użu ħażin tad-droga, kif ukoll lingwaġġ iebes.

Rental Family

Fil-bidu tas-snin 90, ġewwa l-Ġappun, beda jsir popolari dak li jissejjaħ Rental Family Service.  Dan is-servizz joffri lill-klijenti, persuni mħarrġa li jagħmluha ta’ ħbieb, membri tal-familja jew ħaddiema fl-istess azjenda waqt li l-klijenti jattendu attivitajiet soċjali, xi tieġ jew sempliċiment biex jiġi akkumpanjati.  Dan hu s-suġġett ta’ din id-drama komika.

Brendan Fraser għandu l-parti tal-attur Amerikan Phillip.  Il-karriera tiegħu ma tkunx sejjer tajjeb u għalhekk imur jgħix Tokjo fejn jiddeċiedi li jibda jaħdem f’rental family service.  Hu jagħmilha ta’ kollox, fosthom ta’ sempliċi ħabib, missier u anke ta’ wieħed miżżewweġ.  Imma jkun hawnhekk fejn isib skop f’ħajtu u motivazzjoni, propju fejn ma jkunx hemm cameras.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ tad-direttur Ġappuniża, Hikari, il-film jesplora temi bħal, is-solitudni b’kuntrast ma’ xi tfisser li tgħix ġo familja.

Hikari tisfrutta sew l-ambjent ta’ Tokjo, l-elementi kulturali u r-rutina tal-ħajja ta’ kuljum f’din il-belt. 

Film bħal “Rental Family” jiddependi bis-sħiħ fuq il-kredibilità tal-karattru ewlieni.  Appuntu, l-film tieħu gost tarah għax Brendan Fraser jagħti nterpritazzjoni tajba u kredibbli.

“Reantal Family” hu kklassifikat 12A minħabba il-lingwaġġ li xi kultant jintuża, kif ukoll referenzi ħfief għas-sess.

Shelter

Jason Statham nerġgħu narawh f’thriller ieħor mimli azzjoni li jismu “Shelter”.

Dan il-film isegwi l-istess formula tal-films l-oħra ta’ Jason Statham.  Il-karattru tiegħu jismu Michael Mason.  Dan ikun ex-aġent mħarreġ sew kif joqtol, li issa jkun jgħix fuq gżira mħattba,  maqtugħ mill-kumplament tad-dinja.

L-istint tiegħu li jsalva tifla waqt maltempata qalila tkun tfisser li daqshekk ikompli jgħix fil-paċi.  Dan għaliex is-sitwazzjoni tat-tifla f’dik it-tempesta ma ġietx b’kumbinazzjoni.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Ric Roman Waugh, “Shelter” hu mimli azzjoni u anke mumenti emozzjonali.   F’dan il-film, Mason irid jikkonfronta l-għażliet li għamel fil-passat, jifdi lilu nnifsu minn dawn l-għażliet hekk kif isib ruħu irid jipproteġi it-tifla waqt li jsib ruħi taħt pressjoni estrema. 

“Shelter” hu kklassifikat 15 minħabba xeni ta’ vjolenza, kif ukoll il-lingwaġġ li spiss jintuża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport