Thursday, September 26, 2024

90% tax-xogħol intensiv fuq il-promenade ta’ Qui-Si-Sana f’Tas-Sliema komplut

Aqra wkoll

Matul ix-xhur tas-sajf, il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, kienu impenjati b’ħidma importanti fuq il-promenade ta’ Qui-Si-Sana f’Tas-Sliema, żona popolari mal-Maltin u turisti f’dawn ix-xhur sajfin.

90% ta’ dawn ix-xogħlijiet intensivi issa huma kompluti u x-xogħlijiet daħlu fil-fażi finali tagħhom.

Matul is-snin, il-promenade sofra ħafna ħsarat prinċipalment minħabba li qiegħed tant viċin il-baħar. Matul żjara lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u lix-xogħlijiet li qegħdin isiru, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, enfasizza fuq l-importanza li għandhom dawn ix-xogħlijiet biex tkun issalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jiffrekwenta din iż-żona, kif ukoll biex terġa’ tingħata dehra isbaħ li tikkumplimenta x-xenarju pittoresk tal-madwar.

“Biex pajjiżna verament ikompli jkun il-ġawhra f’nofs il-Mediterran li hu, irridu naħdmu matul is-sena kollha biex jinżamm hekk. Bħala gvern, fl-aħħar xhur intensifikajna x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ madwar il-pajjiż biex kollettivament inkomplu nsaħħu l-kwalità ta’ ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow, enfasizza l-importanza li dawn ix-xogħlijiet għandhom, mhux biss għat-tisbiħ taż-żona, li hija ffrekwentata minn mijiet ta’ nies, iżda wkoll biex tkun imħarsa s-saħħa ta’ dawn l-istess nies.

Ix-xogħlijiet fuq il-promenade jinkludu t-trattament tax-xibka ta’ taħt kif ukoll it-travi, li t-tnejn li huma għadhom fi stat reparabbli. Ix-xibka tal-ħadid qed tingħata żebgħa apposta u kisja b’materjal addattat għal dan il-post qrib il-baħar. Il-kolonni qegħdin ukoll jiġu trattati u jinżebgħu mill-ġdid b’żebgħa marittima. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport