Kważi l-Maltin kollha, 91 fil-mija, qalu li li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija tajba. Din hija l-akbar rata minn fost iċ-ċittadini tas-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li 39 fil-mija qalu li jemmnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tkompli titjieb fis-sena li ġejja. Dan ifisser id-doppju tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 19 fil-mija.
Stħarriġ tal-Ewrobarometru, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea li fih ħadu sehem aktar minn 26,000 persuna fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena sab ukoll li l-Maltin huma l-iktar ċittadini minn fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea li jemmnu li, f’din is-sena li ġejja, se jkunu f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar.
Irriżulta wkoll li l-Maltin huma l-aktar ċittadini minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jafdaw lill-Gvern. Dan hekk kif kważi żewġ terzi tal-Maltin qalu li għandhom fiduċja fil-mod ta’ kif il-gvern qiegħed imexxi lill-pajjiż. Anke hanwhekk ir-rata ta’ pajjiżna hija ferm ogħla mir-rata medja tal-pajjiżi Ewropej. L-istess figuri jixhdu li 93 fil-mija tal-Maltin qalu li huma sodisfatti bil-miżuri li ħa l-Gvern waqt il-pandemija.
L-istess stħarriġ wera li l-fiduċja tal-Maltin fil-Pulizija kompliet tiżdied tant li issa tinsab fil-livell ta’ 70 fil-mija. Min-naħa l-oħra, il-fiduċja fil-midja naqset b’ħamsa fil-mija. Jidher li l-fiduċja tal-Maltin fil-Parlament Ewropew naqset b’10 fil-mija, meta mqabbel ma’ ċifri oħrajn tal-Ewrobarometru li sar fis-sajf li għadda.
Fir-rigward tas-sistema tas-saħħa f’pajjiżna, irriżulta li din hija fost l-aktar fdata fl-Unjoni Ewropea, hekk kif għandha rata ta’ 91 fil-mija.
L-istħarriġ li kien ikopri x-xhur ta’ Jannar u Frar ta’ din is-sena wera li kważi 60 fil-mija taċ-ċittadini Maltin jemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba. Iċ-ċittadini Maltin huma l-iktar minn fost l-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea li jemmnu dan.