Friday, May 3, 2024

912 tifel u tifla jesprimu ruħhom b’mod kreattiv dwar il-karrieri li jixtiequ jaqbdu fis-Servizz Pubbliku

Jingħataw opportunità li jqattgħu ftit sigħat fil-post tax-xogħol tal-għażla tagħhom

Aqra wkoll

Ir-rispons tajjeb ħafna tas-sena li għaddiet għall-ewwel edizzjoni tal-kompetizzjoni ‘X’Tixtieq Issir La Tikber’, din is-sena mhux talli rrepeta ruħu, talli kien saħansitra akbar, b’total ta’ 912-il parteċipant li jawgura tajjeb għall-karrieri li se jkun jinħtieġ is-Servizz Pubbliku fis-snin li ġejjin.

F’serata li matulha ġew ippremjati r-rebbieħa tat-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li filwaqt li s-sena li għaddiet ħadu sehem fil-kompetizzjoni 621 tifel u tifla, din is-sena kkonkorrew kważi 300 aktar.

Is-Sur Cutajar qal li dawn in-numri sbieħ juru li l-messaġġ tas-Servizz Pubbliku qed jasal, li anke f’għajnejn it-tfal, is-Servizz Pubbliku jinsab fuq quddiem nett fis-soċjetà, u li t-tfal ukoll huma lesti biex jagħmlu differenza pożittiva fis-soċjetà. Huwa semma kif is-sottomissjonijiet tat-tfal għal din is-sena jixhdu mrewħa sħiħa ta’ karrieri varji, li huma riflessjoni ta’ kemm is-Servizz Pubbliku huwa varjat fih innifsu.

Fil-fatt, 22% tat-tfal qalu li jixtiequ futur fl-arti u l-isport; 20% huma mħajrin għal karriera fix-xjenza u l-mediċina; 19% jimmaġinaw lilhom infushom fil-forzi dixxiplinati; 16% jixtiequ jaqbdu t-triq ta’ għalliema jew karrieri oħra fil-qasam tal-edukazzjoni; u 13% qed jaspiraw li jaħdmu qalb in-natura u l-annimali.

Is-Sur Cutajar żied jgħid li s-sodisfazzjon fix-xogħol jiġi minn ħafna fatturi. Wieħed mill-aktar importanti fosthom huwa l-ġid li nagħmlu lill-oħrajn permezz tax-xogħol tagħna. U jekk hemm karriera fejn wieħed jista’ jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies, din hija karriera fis-Servizz Pubbliku.

“In-numru sabiħ ta’ xogħlijiet li bagħtu l-istudenti għall-kompetizzjoni ta’ din is-sena jawgura tajjeb li l-pedamenti li bnejna fl-aħħar snin permezz tat-tiġdid fis-Servizz Pubbliku se joffru futur sabiħ lit-tfal tagħna. Ix-xogħlijiet li waslulna jindikaw li t-tfal fl-iskejjel qed jifhmu huma wkoll kemm is-Servizz Pubbliku joffri xogħlijiet eċitanti u importanti, u li verament l-istudenti jistgħu jaspiraw għal karriera fis-Servizz Pubbliku,” qal is-Sur Cutajar.

Il-kompetizzjoni ‘X’Tixtieq Issir La tikber’, organizzata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, kienet miftuħa għal tfal tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt sena tal-iskola primarja. Huma ġew mistiedna jissottomettu xogħlijiet kreattivi biex jesprimu ruħhom dwar il-karriera li jixtiequ jaqbdu meta jikbru.

L-aħħar jum ta’ attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022 kien iddedikat lill-istudenti kollha li ħadu sehem fil-kompetizzjoni, billi dawn ingħataw l-opportunità li jqattgħu ftit sigħat f’20 post tax-xogħol differenti f’Malta u Għawdex, skont ix-xewqat rispettivi li esprimew fis-sottomissjonijiet tagħhom.

Tħabbar ukoll li l-istudenti ż-żgħar nett – tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet sena primarja – se jitqassmilhom ktejjeb mimli logħob edukattiv li jgħinhom jifhmu x’jagħmlu ħaddiema ta’ professjonijiet differenti fi ħdan is-Servizz Pubbliku. Għal studenti ikbar fl-età, li jattendu l-iskola sekondarja, ġew organizzati taħditiet dwar karrieri fis-Servizz Pubbliku bl-għajnuna tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.

Sport