Saturday, October 26, 2024

92.3% tal-immigranti nisa huma edukati iżda ma jistgħux isibu xogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

IL-MWAM tgħin lill-immigranti jsibu leħinhom fis-soċjetà li twarrabhom

Miktub Minn ANTHEA CACHIA

Mill-bidu taż-żmien il-mara fis-soċjetà, dejjem ħadmet, stinkat u ġġieldet biex tagħmel avvanz kif ukoll ikollha leħen u dritt. Minkejja li dan l-istess avvanz ma kienx b’rata mgħaġgla jew aħjar, ta’ skala daqs l-‘avvanzi’ tal-irġiel, meta wieħed iħares lura lejn il-progress, il-leħen tal-mara fl-aħħar beda jinstema’. Din l-għajta, iżda, ma kinitx l-istess għal kull mara. Ħafna drabi nisa min pajjiżi li mhumiex ekonomikament b’saħħithom fosthom l-Afrika, ma jkollhomx opportunitajiet daqs oħrajn. Oħrajn, il-ġlieda għad-dritt kienet insinjifikanti meta kkumparata mal-ġlieda tal-ħajja, sitwazzjoni li kellhom jaffaċċjaw ta’ spiss. 

Minkejja dan fl-aħħar dawn in-nisa qegħdin jaraw xaqq ta’ dawl hekk kif l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Immigranti Nisa (MWAM), qiegħda tgħin biex lil dawn in-nisa jkollhom l-opportunità li jsiru indipendenti, tgħinhom jedukaw ruħhom u tagħtihom is-saħħa biex jkollhom rwol fis-soċjetà, minkejja li kellhom jitilqu minn pajjiżhom. 

L-ORIZZONT tkellem mal-President ta’ din l-Assoċjazzjoni, Umayma Elamin Amer Elamin. Hija rrakkontat kif l-idea li tifforma l-MWAM, kienet mill-esperjenza tagħha stess. Hija stqarret kif anke hija bħala immigranta sabet xkiel biex issib xogħol f’Malta. Għalhekk biex tiddetermina x’kienet il-kawża u x-setgħet tagħmel biex issib xi soluzzjoni hija ddeċidiet li tinvolvi ruħa fis-settur tal-volontarjat. Hija sabet l-għjanuna minn SOS Malta u mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji fi kwalunkwe passi u proċeduri relatati mal-ħolqien ta’ din il-pjattaforma.

Umayma spjegat kif l-għan prinċipali ta’ din l-organizzazzjoni hija li tippromwovi trattament u drittijiet indaqs u l-integrazzjonijiet bejn r-refuġjanti, dawk li jfittxu ażil, immigranti nisa f’Malta mal-komunità Maltija. 

“Aħna nippromwu ugwaljanza bejn is-sessi bejn l-immigranti kif ukoll id-drittijiet tal-immigranti billi nikkontribwixxu għall-eliminazzjoni ta’ kull tip ta’ vjolenza fuq l-immigranti nisa fil-Gżejjer Maltin,” qalet Umayma.

Jitolbu l-għajnuna

Ta’ kull sena, l-MWAM tgħin madwar 100 u 150-il mara u minkejja li l-organizzazzjoni toffri diversi għajnuniet kull persuna tagħżel l-affarjiet li tixtieq skond is-sitwazzjoni tagħha u, “naħdmu bħala case-by-case basis skond ir-riżorsi li jkollna.” Il-maġġoranza ta’ dawn in-nisa jkunu mis-Sirja, l-Eritreja, is-Somalja, l-Iraq, il-Libja, is-Sudan, il-Marokk, it-Tuneżija, in-Niġerja.

Diffikulta biex isibu mpjieg

Bħala parti mill-proġett ‘Stepping up’ il-MWAM ippubblikat analiżi permezz ta’ fondi mill-iskema ta’ Small Initiatives Support Scheme (SIS) immaniġjat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. 

L-għan ta’ din l-analiżi, li saret bejn il-perjodu ta’ Marzu 2016  u Frar 2017, kien li tikseb għarfien permezz ta’ osservazzjoni tan-nisa immigranti f’Malta. Il-motivazzjoni wara din l-analiżi kienet ukoll biex taraf il-ħtiġijiet u bżonnijiet li kellhom bżonn dawn in-nisa u għaldaqstant wara assessjar tar-riżultati, setgħu jaħdmu fuq dawn l-għanjiet. 

L-enfasi primarju kien fuq l-impjieg, dan għax kien l-aktar ħaga fuq l-imħuħ tan-nisa u pass fid-direzzjoni t-tajba għall-empowerment u l-intergrazzjoni soċjali tan-nisa.

L-analiżi hija bbażata fuq statistiċi tal-Kummissarji għar-Refuġjatidwar l-applikazzjonijiet tan-nisa fil-perjodu bejn l-2013 u l-2016. Minn 91 mara kien hemm nisa; Sirjani (46.2%), Libjani (29.7%), Somali (18.7%) u Eritreani (5.5%). 40.6% ta’ dawn in-nisa kienu ta’ l-etajiet bejn 18 u 30 sena, 38.5% kienu bejn l-etajiet ta’ 31 u 40 sena, filwaqt li l-iżgħar età kienet ta’ tfajla ta’ 18-il sena, filwaqt li l-akbar età kienet ta’ mara ta’ 62-il sena.

Il-maġġoranza ta’ dawn in-nisa kellhom ir-raġel tagħhom f’Malta wkoll filwaqt li r-rata medja ta’ tfal għal kull mara kienet ta’ 2.9 snin. Il-maġġoranza (91.2%) kienu joqogħdu f’residenza privata (il-maġġoranza tagħhom joqogħdu lejn it-Tramuntana ta’ Malta) filwaqt li 8.8% kienu fiċ-ċentri miftuħa.

85.7% ta’ dawn in-nisa kienu jinsabu bla impjieg u nofshom għax ma setgħux isibu xogħol adegwat għalihom. Kien irrapportat li ħafna minn dawn in-nisa qalu li d-diskriminazzjoni affetwat is-sitwazzjoni tal-impjieg. Id-diskriminazzjoni kienet fuq l-età (44.3%), ir-reliġjon (31.4%), in-nazzjonalità (15.7%), kif ukoll il-fatt li kellhom nuqqas ta’ esperjenza (54.3%).

Il-problema hija evidenti, hekk kif dawn in-nisa minkejja li 93.3% minnhom kellhom livell tajjeb ta’ skola u nofshom anke studjaw wara s-sekondarja ma setgħux isibu xogħol. Għalhekk il-MWAM bdiet għadd ta proġetti li jgħinu lil dawn in-nisa biex din is-sitwazzjoni dejjem tonqos.

Għajnuna psikoloġika, sostenn u għarfien

Żewġ proġett sinjifikanti kienu Better Future u Integrated Project. Iż-żewġ proġetti pprovdew għajnuna psikoloġika u servizzi psikoterapewtiċi, kif ukoll sostenn lill-vittmi ta’ vjolenza sesswali u tal-ġeneru u potenzjalment vittmi ta’ traffikar. Permezz tal-proġett Better Future li sar bejn April u Diċembru tal-2019, irnexxielhom jgħinu 40 mara filwaqt l-interated project  – li sar minn April sa’ Diċembru tal-2018 – għen 20 mara. Tajjeb li wieħed isemmi li l-MWAM hija l-ewwel assoċjazzjoni f’Malta li pprovdiet servizzi psikoloġiċi u/jew psikoterapewiċi lir-refuġjati. 

Proġett ieħor essenzjali, li sar fil perjodu bejn Ġunju 2019 u Jannar 2010. Dan il-proġett ,li jgħin lil dawn in-nisa biex itejbu l-kwalità ta’ ħajjithom, kellu għadd ta’ sessjonijiet informatiċi li jqajjmu kuxjenza dwar il-vjolenza sesswali u tal-ġeneru fil-komunitajiet ta’ immigrant u anke fiċ-ċentri l-mifutħa. Dawn is-sessjonijiet laħqu aktar minn 100 refuġjat minn pajjiżi tat-tielet dinja u attendew kemm nisa kif ukoll irġiel, ta’ kull età. 

COVID-19, problema oħra għal dawn in-nisa

Wieħed mill-proġetti kurrenti li għandha din l-organizzazzjoni hija waħda importanti ħafna. “Il-MWAM, tagħraf il-fatt li waqt il-Covid-19 is-saħħa mhix l-unika ħaġa li qiegħda f’riskju iżda wkoll is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn in-nisa, kif ukoll problema psikoloġika li kollha jikkontribwixxu għal żieda fir-riskju ta’ vjolenza sesswali u tal-ġeneru. Din is-sitwazzjoni ġġiegħlna nirrfilettu u nagħrfu li għandna nisimgħu u nidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza speċjalment lil dawk vulnerabbli, l-ommijiet u għalhekk nieħdu azzjoni immedjata biex ngħinhom.”

Din il-kampanja ta’ emerġenza li qiegħda tiġbor fondi għal dawk milquta, bdiet fis-26 ta’ Marzu. Għaldaqstant, il-MWAM kellhom ċans jgħinu 36-il mara li kwart minnhom jaffaċċjaw vjolenza sesswali u tal-ġeneru. 

S’issa inġabru madwar €3,743.28 u d-donazzjonijiet ikopru affarjiet bażiċi fosthom ikel, kera, sapport finanzjarju, jipprovdu servizzi ta’ translator, kif ukoll sapport emozzjonali għall-vittmi, jirreferu ċertu każijiet lill-instituzzjonijiet relevanti u entitajiet legali kif ukoll jipprovdu tagħrif u linji gwida relatati ma’ opportunitajiet edukattivi biex isibu xogħol. 

Proġetti kurrenti

Wieħed mill-proġetti kurrenti li qegħdin joffru bħalissa huwa tagħrif tal-Ingliż. Dawn il-‘korsijiet’ qiegħdin jingħataw fuq bażi ta’ tliet livelli filwaqt li qegħdin joffru wkoll childcare għall-ommijiet. Il-MWAM temmen fil-fatt li n-nisa stess għandhom jgħinu lil xulxin u permezz tal-proġett ‘SAĦĦA’. Kitchen’ dawn in-nisa jaqsmu l-ideat relatati mat-tisjir li ġejjin minn kulturi differenti. 

Proġett ieħor importanti ħafna li jgħin lil dawn in-nisa biex isibu impjieg huwa il-proġett, “IT Project/Women’s Wings”, li jipprovdu informazzjoni dwar l-aktar affarjiet essenzjali fil-kamp tat-teknoloġija. Ħafna minn dawn in-nisa diġà jkollhom livell bażiku ta’ edukazzjoni iżda neqsin mill-ħiliet tal-IT, li hija l-ogħla domanda fis-settur tax-xogħol.

#AloneTogether

MWAM se tniedi dan il-proġett f’Awwissu  li tippromwovi l-kura personali. Dan il-proġett huwa ffinanzjat minn programm ta’ fondi mill-Ambaxxata Amerikana f’Malta u The Julia Taft Refugee Fund. Dan se jkun qiegħed jassisti refuġjati, immigranti u dawk li jitolbu ażilju, li jkollhom bżonn sostenn biex jgħelbu l-ostakli kkawżati mill-pandemija tal-Covid-19. 

L-assoċjazzjoni se tipprovdi s-sessjonijiet għal xahrejn jew wiċċ imb’wiċċ jew inkella permezz ta’ konferenzi onlajn. 

Sport