Wara l-effetti devastanti li ħalliet warajha l-maltempata Harry ix-xahar li għadda, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi immedjatament nieda żewġ proċessi separati iżda ta’ għajnuna kbira lill-kunsilli lokali milqutin.
Fil-fatt, wara s-sejħa li għamel id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lill-kunsilli lokali, biex jersqu ’l quddiem bil-ħsarat li sofrew il-lokalitajiet, 24 kunsill lokali ssottomettew 92 talba lid-Dipartiment. Dawn it-talbiet ivarjaw minn ħsarat f’numru ta’ ħitan tas-sejjieħ, għal tindif estensiv sa xogħlijiet strutturali.
Bħalissa d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jevalwa t-talbiet li daħlu mill-kunsilli lokali wara l-maltempata. Sadattant id-Dipartiment diġà beda jagħmel xogħlijiet u interventi f’dawn l-24 lokalità kull fejn kien hemm periklu jew nuqqas ta’ aċċessibbiltà għall-pubbliku.
Minbarra din l-għajnuna immedjata, is-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi nieda konsultazzjoni pubblika bl-isem ‘Għar Lapsi – Lura lin-Nies’. Dan il-proċess ta’ djalogu ħaj inbeda wara li ż-żona pittoreska ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi, żona li tattira eluf ta’ Maltin u turisti, kif ukoll żona li hija l-għajxien għal diversi setturi – bħal sidien ta’ restoranti, sajjieda u għaddasa – sofriet ħsarat kbar li biddlu kompletament id-dehra u l-aċċessibbiltà ta’ din iż-żona.
Grazzi għall-parteċipazzjoni u l-konkorrenza tal-pubbliku, sa issa daħlu madwar 170 suġġeriment dwar x’jixtiequ n-nies li jsir f’Għar Lapsi.
Fl-aħħar xahar, id-Dipartiment għen lis-sajjieda jtellgħu d-dgħajjes tagħhom kif ukoll sar xogħol ta’ tindif taż-żona minn materjal li tela’ fuq l-art. Intant it-Taqsima tal-Kosta u l-Għargħar, fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ħadet ħsieb li tagħlaq l-aċċess taż-żona biex tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku u beda studji ġeoloġiċi fuq il-blat li jdawwar il-kosta. Wara jkun jista’ jitfassal il-pjan tax-xogħlijiet u flimkien nerġgħu nagħtu lura Għar Lapsi lin-nies fiż-żmien li ġej.
Il-konsultazzjoni ‘Għar Lapsi – Lura lin-Nies’ hija miftuħa sal-24 ta’ Frar.

