Sunday, December 22, 2024

95% TAL-MIŻURI SOĊJALI TAL-BUDGET IMWETTQA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam soċjali qiegħda tingħata l-importanza mistħoqqa tant illi diġà twettqu 17 mit-18-il miżura li tħabbru fil-budget għas-sena 2021. Huwa ppjanat li l-aħħar miżura soċjali titwettaq fi ftit xhur oħra.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministru għall-Ġustizzja u s-Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musù spjega li l-miżuri mwettqa jolqtu lill-pensjonanti tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità, dawk li jirċievu l-pensjoni tal-età mhux kontributorja, pensjonanti tas-servizz u anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni.

Il-miżuri jolqtu wkoll lill-familji bit-tfal taħt is-16-il sena jew foster carers, ġenituri li jaħdmu bi tfal taħt it-23 sena, benefiċjarji tal-għajnuna supplimentari u tal-għajnuna soċjali, persuni li jieħdu ħsieb qrabathom jew uliedhom b’diżabilità fl-istess residenza u persuni b’diżabilità severa.

Huwa stmat li minn dawn il-miżuri sa issa gawdew madwar 145,000 persuna, 42,300 familja b’63,200 tifel u tifla taħt is-16-il sena u 5,000 familja b’ġenituri li jaħdmu b’7,470 tifel u tifla taħt it-23 sena. 

Dawn jinkludu 95,500 pensjonanti u 14,600 anzjani oħra li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni, 37,000 anzjani ta’ ‘l fuq minn 75 sena, 23,000 benefiċjarji tal-għajnuna suuplimentari u ftit inqas minn 7,000 persuna fuq l-għajnuna soċjali. Minn dawn kollha, hemm min jirċievi aktar minn benefiċċju wieħed.

Żieda fil-pensjoni kontributorja u mhux kontributorja

Is-Sur Musù tkellem dwar iż-żieda fil-pensjoni kontributorja u mhux kontributorja fejn qal li ż-żieda kienet ta’ €5 fil-ġimgħa (€260 fil-ġimgħa). Din kienet is-sitt żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet mill-2016.

Bejniethom il-pensjonanti tħallsu €438.5 miljun bejn Jannar u Ġunju.  Żieda ta’ aktar minn €33 miljun fuq l-istess perjodu tal-2020.

Iż-żieda fin-nefqa kienet ukoll dovuta ghax l-għadd ta’ pensjonanti bejn Lulju 2020 u Ġunju 2021 tela’ bi 3,600. In-nefqa fuq il-pensjonijiet biss sal-aħħar tas-sena se tkun qrib id-€900 miljun.

Miżura li wettqet ġustizzja ma’ persuni li ħallsu bolol qabel l-eta’ ta’ 19-il sena

Fost il-pensjonanti kontributorji ġodda kien hemm 860 persuna – l-aktar nisa – li bis-saħħa ta’ miżura ewlenija fil-baġit ikkwalifikaw għall-pensjoni minima mnaqqsa.

Dawn kienu persuni mwielda qabel l-1962 u li għalkemm għamlu żmien jaħdmu qabel ma’ għalqu 19-il-bolol imħallsa tul dan il-perjodu ma kienux jgħoddu biex jikkwalifikaw għal pensjoni kontributorja.

Il-miżura li wettaqna għamlet ġustizzja magħhom għaliex il-bolol imħallsa bdew jiġu rikkonoxxuti għal fini tal-pensjoni, jekk jilħqu l-minimu meħtieġ.  

Żieda fil-bonus annwali lil anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni

Għal dawk il-persuni li minkejja din il-miżura xorta waħda ma kellhomx bolol biżżejjed biex jikkwalifikaw għal pensjoni, għat-tielet darba ngħataw żieda oħra fil-bonus annwali tagħhom.

Dawk b’anqas minn 5 snin bolol il-bonus żdied għal €250; filwaqt li dawk b’aktar minn 5 snin bolol il-bonus tagħhom tela’ għal €350.

B’kollox 14,600 persuna – l-aktar nisa – ibbenefikaw miż-żieda. Bejniethom tħallsu €4.5 miljun.

Introduzzjoni ta’ suppliment addizzjonali fiċ-Children’s Allowance

Għall-ewwel darba ddaħħal kunċett ġdid biex tingħata aktar għajnuna lill-familji bi tfal taħt is-16-il sena.

Kull familja ntitolata għac-Children’s Allowance bdiet tingħata ħlas addizzjonali għal kull wild.  Familji bi dħul taħt il-€25,318 qed jitħallsu €70 għal kull wild fil-familja; filwaqt li familji bi dħul ogħla huma ntitolati għal €50 għal kull wild.

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena barra l-ħlas taċ-Children’s Allowance li kien ilaħħaq madwar €19 miljun, 42,600 familja diġà tħallsu bejniethom is-somma ta’ €1.75 miljun.  Sal-aħħar tas-sena in-nefqa totali fuq Children Allowance mistennija tlaħħaq it-€42 miljun.

Dan il-Gvern ħaseb ukoll f’dawk il-familji li jiffosterjaw. L-allowance li jitħallsu żdiedet b’€10 fil-ġimgħa jew €520 fis-sena għal total ta’ €5,720 għal kull tifel jew tifla fil-kura tagħhom. Fil-każ ta’ dawn il-familji l-allowance titħallas sakemm it-tfal jilħqu l-eta’ ta’ 21 sena.

Estensjoni tat-thresholds tad-dħul tal-In-Work Benefit

Permezz ta’ miżura ġdida fil-Baġit 2021, twessa’ aktar it-tresholds tad-dħul li jintitolaw ġenituri li jaħdmu għall-In-Work Benefit.  Dawn issa telgħu għal:

€35,000 għall-ġenituri li jaħdmu t-tnejn

€26,000 għall-koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem

€23,000 għal single parents li jaħdmu

Sa Ġunju in-nefqa qabżet it-€2.6 miljun li tħallsu lil madwar 5,000 familja bi 8,200 wild taħt it-23 sena.  Sal-aħħar tas-sena huwa stmat li se jiżdiedu aktar benefiċjarji u lin-nefqa se tlaħħaq is-€7 miljuni.

Għotja ġdida għal Carers ta’ wlied b’diżabilità

Benefiċċju ieħor ġdid li ġie varat din is-sena kien dik tal-Għotja għal Carer ta’ €300 fis-sena.

Dan sar bħala parti mir-riforma li wettaqna f’dawn l-aħħar snin fil-benefiċċju tal-carers biex ngħinu dawk il-ġenituri li ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb wild b’diżabilita’ fl-eta’ ta’ aktar minn 16-il sena.

Sal-aħħar ta’ Ġunju applikaw u tħallsu madwar 400 ġenitur.

Titjib fir-rati tal-Għajnuna Supplimentari

Madwar 23,000 persuna gawdew minn rati ogħla tal-Għajnuna Supplimentari bis-saħħa ta’ aġġornament li sar fil-mekkaniżmu ta’ kif jinħadmu r-rati.  Iż-żidiet ivarjaw bejn €70 u €108 fis-sena.

Barra minn hekk, is-suppliment addizzjonali ta’ €150 li kien jingħata kull sena skont id-dħul tagħhom lil persuni ta’ 65 sena jew akbar taħt ċertu kundizzjonijiet, minn din is-sena beda jitħallas bla distinzjoni lil dawk kollha f’din l-faxxa ta’ eta’ li jikkwalifikaw għall-Għajnuna Supplimentari.

In-nefqa fuq dan il-benefiċċju fl-ewwel sitt xhur tas-sena żdiedet b’€1.4 miljun fuq l-istess perjodu fl-2020 u laħqet kważi €6 miljun. Sal-aħħar tas-sena in-nefqa totali mistennija tlaħħaq it-€12-il miljun.

Il-miżura li għad baqa’ x’titwettaq

Il-miżura li għad fadal x’titwettaq tolqot lil dawk il-ħaddiema (jew il-werrieta tagħhom) li kienu f’wieħed mill-korpi ta’ qabel l-1979 jew kienu mpjegati mal-Gas Board u wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku jew fis-settur pubbliku.  

Hekk kif tagħlaq id-data tal-applikazzjoni taż-żewġ skemi fl-aħħar ta’ Lulju jibda l-proċess biex jiġu miflija l-applikazzjonijiet u jsir il-pagament. 

Dawk li kienu fi skemi ta’ apprentistat jew studenti ħaddiema, u wara li temmew l-apprentistat jew l-istudji tagħhom b’suċċess daħlu fis-servizz pubbliku wara l-1979, wkoll huma kkunsidrati.

Dawn il-ħlasijiet se jsiru f’Novembru li ġej lil madwar 5,500 persuna għal nefqa stmata li se tiswa €9.5 miljuni.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Michael Falzon esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn ir-riżultati miksuba fejn f’sitt xhur diġà tlestew 95% tal-miżuri mwiegħda fil-baġit għal din is-sena. Dan filwaqt li l-Ministeru li huwa responsabbli minnu diġà wettaq aktar minn 90% tal-wegħdiet mill-manifest elettorali.

Il-Ministru Falzon semma wkoll kif għal din is-sena, in-nefqa soċjali tlaħħaq il-€1.8 biljun, bil-nefqa fuq is-servizzi soċjali se taqbeż il-€1.1 biljun. Huwa tenna illi l-mira aħħarija għandha tibqa’ l-ġustizzja soċjali u li nagħmlu differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies. 

Ekonomija

Sport