Ħidma konġunta bejn il-Pulizija u l-uffiċjali tad-Dwana wasslet biex ġiet interċettata mas-97 kilo droga kokaina, li kienet moħbija fuq vapur tal-merkanzija, li kien għadu kemm daħal fil-Port Ħieles.
Il-Ħadd filgħodu, waqt spezzjoni għall-għarrieda minn bugħaddasa ta’ kumpanija tas-sigurtà mqabbda mill-aġenti tal-istess vapur, ġie nnutat li f’kompartament fil-qiegħ tal-vapur, kien hemm numru kbir ta’ pakketti mgeżwrin fil-plastik, li mill-ewwel qajmu suspett.
Il-bugħaddasa minnufih infurmaw lill-awtoritajiet ikkonċernati u wara li l-pakketti nħarġu mill-kompartament u ttellgħu l-art, irriżulta li dawn kienu mimlijin bil-kokaina, bil-valur fis-suq jaqbeż il-€11-il miljun.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-vapur, li huwa rreġistrat il-Portugall, telaq mill-Port ta’ Colon, fil-Panama fl-24 ta’ Lulju, fi triqtu lejn il-Port ta’ Gioia Tauro, fl-Italja.
Il-vapur daħal fil-Port Ħieles, f’Marsaxlokk, is-Sibt filgħaxija. Minn aktar stħarriġ illi sar jirriżulta li d-droga ma jidhirx li kienet għas-suq lokali.
Bis-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat Dr Elaine Rizzo LL.D, li qed tmexxi inkjesta.