Tuesday, August 12, 2025

97 muntanji fin-Nepal se jkunu bla ħlas biex wieħed jitla’ fuqhom

Aqra wkoll

In-Nepal se jagħmel 97 mill-muntanji Himalayas tiegħu b’xejn biex wieħed jitla’ fuqhom għas-sentejn li ġejjin, fi sforz biex jiżdied it-turiżmu f’żoni remoti tal-pajjiż.

Dan wara li l-miżati għall-permessi biex titla’ fuq il-quċċata tal-Muntanja Everest, l-ogħla fid-dinja, waqt l-aktar xhur impenjattivi, se jiżdiedu għal $15,000 minn Settembru. 

Id-Dipartiment tat-Turiżmu tan-Nepal qal li jittama li din l-inizjattiva se tixħet dawl fuq il-prodotti u d-destinazzjonijiet turistiċi li mhumiex daqstant esplorati fil-pajjiż.

It-tlugħ fuq il-muntanji huwa sors importanti ta’ dħul għan-Nepal, fejn hemm tmienja mill-ogħla għaxar muntanji fid-dinja. Mill-miżati għat-tlugħ iddaħħlu aktar minn $5.9 miljun is-sena li għaddiet, b’aktar minn tliet kwarti ta’ dik is-somma kienu ġejjin mill-Everest. 

Il-muntanji li għalihom se jitneħħew il-miżati jinsabu fil-provinċji ta’ Karnali u Sudurpaschim fin-Nepal, li jvarjaw bejn 5,970m u 7,132m bħala għoli. Iż-żewġ provinċji huma meqjusa bħala fost l-aktar żoni foqra u inqas żviluppati fil-pajjiż. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport