Saturday, December 21, 2024

A WEEK IS A LONG TIME IN POLITICS…

Aqra wkoll

Bħal dan iż-żmien sena, il-poplu Amerikan ser ikun qiegħed jerġa jivvota għall-President tal-għażla tiegħu. Kif sejrin l-affarijiet, jidher li ċ-ċans hu li fl-2024, ikollna ‘rematch’ bejn Trump u Biden. Fl-2020, Biden irnexxielu jirbaħ lil Trump b’mod komdu: kemm fir-rigward tal-vot popolari, imma wkoll fejn jidħol il-kulleġġ elettorali, b’dan tal-aħħar ikun dak li jeleġġi l-President.

Madanakollu, bħalissa s-sitwazzjoni tidher differenti. Fir-rigward tan-nominazzjoni tal-kamp Repubblikan, jidher li Trump m’għandu l-ebda problema. Meta bdiet it-tiġrija, il-Gvernatur ta’ Florida Ron De Santis kien mistenni li joffri sfida iebsa għal Trump, pero’ aktar ma’ beda jgħaddi ż-żmien, aktar Trump saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu, filwaqt li De Santis, li beda b’numri għoljin, beda jnaqqas mill-popolarita’ tiegħu.

Fuq livell nazzjonali bejn Trump u Biden, jidher li skont l-aħħar polls Trump jinsab ftit fuq quddiem. Hemm diversi raġuni għal dan. Fuq l-andament ekonomiku, l-ekonomija Amerikana qed tikber b’mod mgħaġġel ħafna, madanakollu l-inflazzjoni baqgħet ukoll għolja, għalkemm m’hix għolja daqs kemm hi fl-Ewropa.

Fl-istess waqt, il-fatt li Trump qed jaffaċċja diversi akkużi kriminali – kemm fil-kuntest tal-ġrajjiet li saru fil-Capitol f’Jannar tal-2021 u dak li għamel biex jipprova jaqleb ir-riżultat tal-elezzjoni, u anke fuq livell personali. Il-fatt li dawn il-każijiet ġew f’daqqa, jidher li tagħtu imbuttatura għaliex f’għajnejn uħud, qiegħed jidher bħala vittma – xi ħaġa li hu uża wkoll b’mod effettiv biex ikompli jiġbor il-flus biex jikkampanja. 

Fl-istess waqt, Biden għandu l-problemi tiegħu, b’uħud ikunu tal-fehma li saħħtu m’hix tajba biżżejjed biex jerġa jikkontesta. Il-fatt li xi kultant ġieli jeħel waqt xi diskors, jew inkella jiżloq f’xi ċerimonja uffiċċjali, mhux biss ma tgħinux, imma tikkonferma s-suspetti t’uħud li m’huwiex b’saħħtu biżżejjed. L-agħar ħaġa li tista’ tiġri f’episodji bħal dawn, hija li jkollok avveniment li jikkonferma s-suspetti tal-pubbliku, għaliex meta jiġri hekk, l-effett fuq in-numri jkun sproporzjonat. 

Apparti hekk, jidher li Biden ma tantx sejjer tajjeb mal-votanti li ġejjin mill-minoranzi – grupp li kien importanti ħafna biex seta’ jirbaħ l-elezzjoni tal-2020. Trump, mill-banda l-oħra jidher li għandu vantaġġ fejn jidħlu dawk il-votanti li jikkunsidraw lilhom infushom indipendenti – u dawn iż-żewġ fatturi għandhom jinkwetaw lill-kamp Demokratiku mhux ftit.

“A week is a long time in politics”, iħobbu jgħidu dawk involuti fil-politika, u l-elezzjoni għada l-bogħod. Il-każijiet kriminali ta’ Trump, il-gwerra tar-Russja u dak li qed jiġri f’Gaza, u kif ukoll il-qasam domestiku Amerikan kollha huma fatturi li kapaċi jiġbdu l-elezzjoni naħa jew oħra. Madanakollu, il-personalitajiet ta’ Trump u Biden huma wkoll sinifikanti f’din il-battalja, u fl-assenza ta’ kwistjonijiet maġġuri, l-elezzjoni kapaċi tintrebaħ jew tintilef abbażi tal-personalita’.

Miktub minn Brendan Zerafa
Ekonomija

Sport