Aaron Busuttil għall-ewwel darba sar iċ-champion lokali tas-Snooker wara li għeleb liċ-champion renjanti Brian Cini li kien diġá rebaħ dan il-kampjonat erba’ darbiet, inkluż iż-żewġ edizzjonijiet preċedenti. Din il-finali tal-Klassi Premier svolġiet f’waħda interessanti u kumbattuta’ tant li ħadet il-massimu tal-11-il frame li segħtu jintlagħabu, fejn kienu proprju l-aħħar żewġ boċċi fuq il-mejda li ddeċidew il-konfront li seta’ mar għand iż-żewġ finalisti.
Brian Cini ma’ setax ikollu bidu aqwa fejn rebaħ l-ewwel erba’ frames b’mod pjuttost konvinċenti tant li fit-tieni frame wettaq żewġ breaks ta’ 51 u 77 punt rispettivament.
Wara l-intervall tal-ewwel parti ta’ din il-finali Aaron Busuttil ħareġ aktar aggressiv u naqqas id-distakk wara li rebaħ tliet frames konsekuttivi fejn fis-seba’ frame jagħlaq bi break ta’ 67 punt. Cini reġa fetaħ vantagg ta’ żewġ frames fit-tmien wieħed u b’hekk kien frame l-bogħod biss mit-titlu b’Busuttil ried bilfors jirbaħ iż-żewġ frames suċċessivi biex jisforza l-frame deċiżiv. Fil-fatt hekk seħħ u Busuttil ftit ta ċans lil Cini u rebaħ dawn il-frames bi skor ta’ 77-1 u 71-0 rispettivament.
B’hekk kollox kellu jiġi deċiż fil-ħdax u l-aħħar frame. L-eċitament u l-pressjoni żġur ma naqsitx kemm fiż-żewġ finalisti u anke’ minn dawk preżenti. Busuttil bena vantaġġ ta’ 38 punt (45-7) iżda falla ħamra li dehret li kienet faċli biex Cini rrkupra d-distakk u dawwar il-punteġġ favuru iżda meta kien jonqsu biss l-aħħar żewġ boċċi huwa naqas milli jippottja r-roża biex jagħlaq il-konfront u ta’ ċans ieħor lil Busuttil. Wara numru ta’ kolpi difensivi Busuttil irrenexxielu jagħmel ir-roża u bis-seba’ punti fuq l-aħħar boċċa sewda ħareġ triomfanti bi skor finali ta’ 6-5.
B’din ir-rebħa Aaron Busuttil sar il-ħmistax il-player tas-snooker li issa naqqax ismu fost ir-rebbieħa ta’ dan tal-ogħla unur ta’ dan l-isport f’Malta. L-ewwel kampjonat imur lura fl-istaġun 1947/48 u ġie mirbuħ minn Lewis Pio Galea. Pawlu Mifsud jibqa’ l-aktar player li rebaħ dan il-kampjonat; 19 -il darba. Warajh insibu lil Alfred Borg u Alex Borg li rebħu dan il-kampjonat 13 -il darba kull wieħed.
Wara l-finali s-Sur Marlon Brincat, direttur ta’ C.E. Installations, sponsors ta’ dan il-kampjonat, ippreżenta t-trofew lil Busuttil.
Din il-finali tal-Klassi Premier għalqet gimgħa sħiħa ta’ finali li saru għal kull kategorija. Fil-finali tal-kategorija Masters Duncan Bezzina rebaħ kontra Alex Borg 5-1 u fl-Ewwel Diviżjoni, bl-istess skor finali, Clinton Falzon għeleb lil David Zammit. Andre’ Pace rebaħ kontra Peter Pace 4-2 il-finali tat-Tieni Diviżjoni filwaqt li fit-Tielet Diviżjoni, ir-rebbieħ kien Clayton Attard li xejjen l-isfida ta’ Rodney Farrugia bi skor ta’ 4-1.