Tellieqa esegwita tajjeb minn Aaron Mifsud ratu jgħeleb lil James Sciriha għall-ewwel post fuq il-podju fit-tieni tellieqa tal-Eurosport BSJ 5k Road Running Series.
It-tellieqa ta’ ħames kilometri li saret fuq il-Bypass tal-Imtarfa rat il-grupp tal-ewwel atleti mgħamulin minn Mifsud, Sciriha u Mario Grech. Dan tal-aħħar kien fuq quddiem mal-ħruġ biex ħa l-vantaġġ li żamm sa tmiem l-ewwel dawra, meta nqabeż minn Sciriha.
Sciriha kompla l-prestazzjoni notevoli tiegħu li ta fl-ewwel tellieqa, fejn hu kien fuq quddiem għal perjodu tajjeb iżda simili kif ġara fl-ewwel tellieqa, Sciriha kellu jiffaċċja attakk ta’ Mifsud fil-parti finali tat-tellieqa, fejn Mifsud wera s-saħħa tiegħu fit-telgħa biex għeleb lil Sciriha b’distakk ta’ ħames sekondi.
Ir-rebbieħa tat-tiġrija preċedenti Tara Abdilla kellha sfida iebsa minn Rachel Borg, li ġiet fit-tieni post fit-tellieqa preċedenti. It-tnejn kienu ras imb ras, iżda hekk kif resqu qrib ta tmiem it-tellieqa Borg marret fil-vantaġġ biex rebħet it-tellieqa. Daħlet fil-konfront għal post fuq il-podju kienet Marija Cumbo li kienet wara Borg u Abdilla, iżda fl-aħħar metri tat-tellieqa qabżet lil Abdilla biex ħadet t-tieni post.
It-tielet u l-aħħar tellieqa tal-Eurosport BSJ 5k Road Running Series se ssir it-Tlieta, 9 ta’ Awwissu fuq il-By-Pass tal-Imtarfa.