Il-Qorti tal-Familja ordnat is-separazzjoni bejn koppja wara li semgħet kif il-mara kienet abbandunat lil żewġha fil-Filippini meta faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, bir-raġel ikollu jibqa’ f’pajjiż li mhux midħla tiegħu u lanqas jaf il-lingwa tal-pajjiż.
Fl-affidavit tiegħu, ir-raġel spjega li huma kienu żżewġu f’Jannar tal-2018 f’Manila, il-Filippini, liema żwieġ kienet irreġistrat Malta skont il-liġi. Wara li żżewġu, huwa kien għamel 15-il ġurnata f’Manila flimkien ma’ martu u kuġintha – liema perjodu kien qisu l-qamar il-għasel għalihom.
Wara huma niżlu flimkien Malta u marru jgħixu fid-dar tar-raġel li fiha tgħix ukoll bintu. Ingħad li darba kienet talbitu biex tmur lura pajjiżha biex iġġib xi karti u hu kien aċċetta tant li ħallas kollox għal tali mawra. Wara qal li sar jaf li hija marret lura l-Filippini biex iġġib xi nies f’Malta u taqla’ xi ħaġa tal-flus.
Meta ġiet lura, huwa qal li l-mara mal-ewwel bdiet tivvinta biex terġa’ ssiefer. Fil-fatt kienu marru flimkien lejn il-Filippini u ġabu lura magħhom lil binha, li beda jgħix magħhom id-dar għal madwar 4 xhur.
Sa dan iż-żmien ir-relazzjoni tal-partijiet kienet tajba, iżda l-affarijiet bdew imorru ħażin hekk kif binha beda jorqod magħhom fil-kamra tas-sodda. Dak iż-żmien huwa jgħid li ma kienx hemm intimità għax ma kienx ikollhom ħin għalihom waħedhom.
Wara perjodu ta’ xhur, it-tifel ma riedx jibqa’ jgħix Malta u b’hekk il-partijiet marru lura l-Filippini bit-tifel, fejn dan dlonk mar ma’ missieru. Sakemm kienu l-Filipini meta telggħu lura bit-tifel tagħha, huwa qal li kienu marru joqogħdu għand oħtha li kienet fqira.
Iżda sakemm kieu hemm, hija kienet qaltlu li se tiltaqa’ ma’ oħtha l-oħra u li tiġi lura. Madankollu jgħid li huwa għamel erba’ xhur jistenniha lura iżda din qatt ma ġiet. Qal li ma setax jaqbad ajruplan lura Malta minħabba l-pandemija.
Eventwalment b’xi mod irnexxielu jaqbad ajruplan minn Manila għal Qatar u konsegwentament għal Londra u Malta. Jistqarr li huwa kien abbandunat minn martu f’pajjiżha, fejn lanqas biss seta’ jikkomunika. Minn dakinhar, hija qatt ma reġġgħet lura.
Fil-kawża ta’ separazzjoni li fetaħ ir-raġel quddiem il-Qorti tal-Familja, il-mara ma kienet ressqet l-ebda provi biex tikkontradixxi l-verżjoni tiegħu, u lanqas ma dehret għas-seduti.
Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Abigail Lofaro, innotat li l-unika provi mressqa huma dawk tar-raġel, l-affidavit tiegħu u n-nota li jiddikjara li ma jafx fejn tinsab martu. Ġaladarba din il-verżjoni ma ġiex kontradetta, il-Qorti qalet li ma għadha l-ebda raġuni ma temminx il-verżjoni tiegħu.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li l-partijiet ilhom jgħixu separatament għal numru ta’ snin u li ma jidhirx li hemmm lok għal rikoċiljazzjoni bejniethom.
Kien għalhekk li laqgħet it-talba tar-raġel għas-separazzjoni, bi ħtija esklussiva tal-mara.